Monday, May 13, 2024

Atlas Insurance tinawgura l-proġett għall-irkupru tal-ilma tax-xita GEO-INF f’De La Salle College

Aqra wkoll

Atlas Insurance inawgurat il-faċilità għall-irkupru tal-ilma tax-xita GEO-INF fil-Kulleġġ De La Salle. Il-proġett GEO-INF jinvolvi l-installazzjoni tat-teknoloġija innovattiva ddisinjata mill-Ing. Marco Cremona f’numru ta’ skejjel, biex twassal l-ilma tax-xita mis-soqfa tal-bini tal-iskejjel direttament sal-water table u b’hekk jiġu mimlija mill-ġdid il-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art.

Il-proġett qed jiġi ffinanzjat permezz tal-Atlas Community Involvement Fund li twaqqaf biex jipprovdi qafas ċar u trasparenti li permezz tiegħu Atlas Insurance tidentifika u tappoġġja proġetti żviluppati b’mod tajjeb. Immexxi mid-Direttur Eżekuttiv u Segretarju tal-Kumpanija Catherine Calleja, u amministrat minn kumitat ta’ rappreżentanti minn diversi dipartimenti fi ħdan Atlas Insurance, il-Fond jipprovdi wkoll pjattaforma strutturata biex timmassimizza l-kontribut ta’ Atlas Group għal firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ involviment fil-komunità.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, l-Onorevoli Stefan Zrinzo Azzopardi, attenda għall-inawgurazzjoni tal-proġett GEO-INF fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Atlas Insurance Matthew von Brockdorff, li ppresjeda l-attività, id-Direttur tal-Missjoni Edukattiva fil-Kulleġġ De La Salle, Is-Sur Stephen Cachia, u l-Ing. Cremona.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, faħħar din l-iniżjattiva li qed tiġi ffinanzjata mis-settur privat u ħeġġeġ sabiex jinsabu aktar alternattivi sostenibbli biex nużaw ir-riżorsi naturali ta’ pajjiżna bħal dik tal-ilma ħelu. Il-Ministru qal: “Il-miri ambjentali ta’ pajjiżna huma responsabbiltà tagħna lkoll u proġetti ta’ dan it-tip huma inkoraġġanti ħafna għas-soċjetà tagħna għax qed naraw ukoll is-settur privat jagħti kontribut fil-ħidma tal-Gvern biex nikkonservaw l-ilma tax-xita.” Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar l-impenn tal-Gvern rigward il-Green Stormwater Infrastructures (GSI) bl-għan li jintlaħqu l-miri ambjentali tal-Unjoni Ewropea għall-carbon neutrality sal-2050.

Meta indirizza l-avveniment, il-Kap Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance Matthew von Brockdorff spjega li: “Atlas Insurance hija kuntenta ħafna li qed tappoġġja proġett li jindirizza waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti tas-soċjetà, is-sostenibbiltà tar-riżorsi, u f’dan il-każ partikolari r-riżorsi tal-ilma. Il-proġett GEO-INF, li huwa allinjat mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 6 – Ilma Nadif u Sanità, qed jiġi installat apposta fl-iskejjel sabiex jikkontribwixxi għat-tkabbir personali u edukattiv tal-istudenti, kif wkoll biex ikollu impatt usa’ fuq il-komunitajiet, l-ambjent u s-soċjetà kollha kemm hi billi jsawru ċittadini responsabbli, infurmati u impenjati.”

Id-Direttur tal-Missjoni Edukattiva fil-Kulleġġ De La Salle, is-Sur Stephen Cachia, tkellem dwar is-sinifikat tal-prinċipji ambjentali li l-Kulleġġ għandu l-għan li jwassal lill-istudenti tiegħu. Irrefera wkoll għall-involviment attiv tal-istudenti f’approċċi hands-on, bħall-parteċipazzjoni tagħhom f’inizjattivi bħal “Eco Champions” u “Eko Skola.”

L-attività ġiet fi tmiemha bi preżentazzjoni mill-Ing. Cremona li matulha spjega l-prinċipji operattivi u t-teknoloġija wara l-proġett GEO-INF, segwita minn żjara fuq il-post tal-installazzjoni fejn l-ilma tax-xita mis-soqfa tal-Kulleġġ jinġabar f’tank imqabbad ma’ filtru taż-żrar u borehole ta’ infiltrazzjoni li tgħaddi l-ilma fl-akwiferi. L-istudenti ngħataw ukoll l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet lill-Ing. Cremona.

Sport