Monday, May 13, 2024

Kuntratturi li ma applikawx għal-liċenzja ma jistgħux jibqgħu joperaw

Aqra wkoll

Mil-lum, kuntratturi li m’applikawx biex jiksbu liċenzja fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini, ma jistgħux ikomplu joperaw.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA qalet li lbieraħ għalaq il-perjodu li fih dawn il-kuntratturi setgħu japplikaw għal-liċenzja mal-awtorità.

Matul ix-xhur li għaddew l-Awtorità rċeviet aktar minn 3,500 applikazzjoni fl-oqsma tat-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini. 

Mil-lum dawn il-kuntratturi jistgħu ikomplu jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Dan il-proċess daħal fis-seħħ permezz ta’ Avviż Legali li permezz tiegħu għall-ewwel darba, f’kull lant tax-xogħol ta’ kostruzzjoni, il-kuntratturi tat-twaqqigħ, skavar u bini jridu bilfors ikunu liċenzjati.

F’dan il-perjodu tranżitorju sakemm jinħarġu l-liċenzji, dawk biss li applikaw għal-Liċenzja jistgħu jibqgħu joperaw.

Dawk il-kuntratturi li ma applikawx sal-31 ta’ Ottubru għadhom jistgħu jagħmlu dan sal-31 ta’ Mejju 2024. Madankollu l-Kumitat li qed jevalwa l-applikazzjonijiet jista’ jieħu sa 60 ġurnata biex jirrispondi għal dawn l-applikazzjonijiet, dan dejjem jekk id-dokumenti kollha ikunu ġew sottomessi.

Sadanittant l-Awtorità fil-ġimgħat li ġejjin ser tibgħat tinforma b’email lil dawk kollha li applikaw għal-liċenzja proviżorja sal-31 ta’ Ottubru li jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku tal-Awtorità u jkomplu jdaħħlu dokumenti oħra mitluba sabiex finalment ikunu jistgħu jiksbu l-liċenzja li wieħed irid ikollu sal-1 ta’ Jannar 2025.

L- Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qalet li bid-dħul ta’ din il-liċenzja ser ikun żgurat li l-kuntratturi jkunu aktar serji u responsabbli fix-xogħol tagħhom u dan b’ħarsien akbar lejn l-interessi ta’ terzi li jkunu jgħixu fil-viċinanzi ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni.

Ħaddiema fis-settur se jkunu wkoll esposti għal aktar taħriġ. L-għan aħħari fir-riformi, qalet il-BCA hu li jkollna aktar responsabbiltà, aktar serjetà u kwalità ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni.

Sport