Sunday, December 22, 2024

Atleta Żagħżugħ tax-Xahar ta’ Marzu

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tal-waterpolo ngħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu. Din hija l-ħames darba li dan il-premju qed jingħata lil tim minflok atleta individwali u r-raba’ darba lil tim nazzjonali tal-water polo.

It-tim nazzjonali Malti tal-water polo ta’ taħt is-17-il sena rnexxielu jikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew li se jsir bejn it-8 u l-15 ta’ Awissu f’Manisa fit-Turkija, wara li rebaħ il-logħbiet kollha ta’ Grupp D ta’ Kwalifikazzjoni.

Fl-ewwel logħba ż-żgħażagħ Maltin iddominaw lil Latvja u rebħu bi skor kbir ta’ 34 għal 3. Fit-tieni logħba għelbu lill-Polonja 15 għal 13 u wara rebħu kontra l-Islovakkja 12 għal 5 u għelbu wkoll lill-Gran Brittanja bl-iskor ta’ 15 għal 5.

Din se tkun it-tieni darba li t-tim Nazzjonali Malti tal-U17 ikkwalifika għall-dawn il-kampjonati. F’din l-edizzjoni t-tim Malti huwa mmexxi mill-kowċ Montenegrin Milan Cirovic u l-assistent tiegħu Anthony Farrugia li kien il-kowċ fl-aħħar edizzjoni. Jayden Cutajar kien il-captain taż-żgħażagħ Maltin.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu flimkien ma’ tifkira tal-okkażjoni ġew preżentati lill-plejers kollha tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali & CEO ta’ Atlas Insurance. Preżenti wkoll Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali u Stephen Azzopardi Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Karl Izzo l-President tal-Aquatic Sports Association of Malta.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ekonomija

Sport