Tmien studenti diliġenti tal-karate rċevew gradi differenti f’ċerimonja tal-eżami tal-Black Belt,
is-Sibt 15 ta’ Ottubru ġewwa d-dojo tal-Imgarr.
Bħala turija għad-dedikazzjoni inkredibbli tagħhom, it-tlett atleti avvanzati Damian Vella Lenicker, Charles Axiaq u Lino Spiteri – li ilu jipprattika l-karate dawn l-aħħar 50 sena – rċevew l-unur tar-raba’ dan fil-black belt. Damien Vella Lenicker sostna li d-dedikazzjoni neċessarja kienet “iebsa”, filwaqt li Charles Axiaq irringrazzja lis-Senseis għall-ħila u l-assistenza tagħhom.
Ħames atleti oħra żgħażagħ li għandhom bejn 14 u 15-il sena akkwistaw l-ewwel dan: il-pass
inizjali fis-sistema tal-gradi differenti tal-black belt. Francesca Saliba, Francesca Caruana,
Gabriel Borg, Ryan Pace u Gregory Camilleri huma kburin b’din il-kisba eżemplari, li hija frott
ħafna snin ta’ taħriġ intensiv u kontinwu.
Il-proċess sabiex atleta takkwista black belt ġeneralment jieħu madwar ħames sa għaxar snin u
jiddependi fuq il-frekwenza tat-taħriġ. Francesca Caruana issemmi “10 snin ta’ dixxiplina,
dedikazzjoni u motivazzjoni”, mentri Ryan Pace, Gregory Camilleri u Gabriel Borg jenfasizzaw
l-importanza tat-tim li ħadem id f’id matul dan il-vjaġġ kollettiv. Il-kisba tal-black belt kienet waħda emozzjonali u bla dubju straordinarja għal dawn l-atleti żgħażagħ, pero hija wkoll biss il-bidu ta’ dan it-traġitt, li jinvolvi disa’ gradi oħra ta’ dan tal-black belt. Il-proċess tal-eżami huwa iebes ħafna peress li jkunu biss l-iktar studenti dedikati li jirnexxielhom jkomplu javvanzaw, wara li jiġu eżaminati minn bord ta’ Senseis tal-għola livell.
Il-gradi ġew mogħtija minn bord ta eżaminaturi magħmul mid-Direttur Tekniku Sensei Jesmond
Schembri, miċ-Chairman Sensei James Galea, Sensei Anthony Zammit u Sensei Jason
Edwards.
Waħda mir-rekwiżiti sabiex studenti jkomplu javvanzaw hija bla dubju l-perfezzjoni fil-prestazzjoni tagħhom tal-kata. Din tinvolvi sekwenzi differenti li jvarjaw fid-diffikultà skond il-grad.
Fl-istess weekend bejn it-13 u l-15 ta’ Ottubru, studenti Maltin tal-karate kellhom l-unur li jipparteċipaw f’seminar imħejji mis-Sensei internazzjonali Maestro Santo Torre, li saħansitra laħaq it-tmien dan tal-black belt. Bħala konsulent barrani tekniku għall-Federazzjoni Maltija tal-Karate, Maestro
Torre mexxa taħriġ ta’ 17-il siegħa għall-gruppi tal-għola livell tal-federazzjoni. Studenti tal-blue
belt kellhom l-unur li jattendu klassi miftuħa, filwaqt li l-istudenti brown u black belt
ipperfezzjonaw l-abiltajiet tagħhom fil-kata kururunfa u fil-bunkai – proċess ta’ estrazzjoni u analiżi ta’ sekwenzi fil-kata.
Is-seminar serva wkoll bħala taħriġ prezzjuż għall-atleti tal-federazzjoni. Daniel Spearing, Jessica
Vella u Francesca Saliba ser jirrapreżentaw lil Malta fuq skala internazzjonali fil-Kampjonat
Mondjali tal-Karate, li se jsir dan il-weekend f’Konya ġewwa t-Turkija. Daniel Spearing qalilna li
s-seminar kien esperjenza li mhux biss għallmitu iktar fuq il-karate, imma li wkoll fetħitlu għajnejh fuq bosta aspetti ta’ din l-arti marzjali.
Membri oħra żgħar tal-federazzjoni ħa jkunu qed jikkompetu bil-kata fis-sezzjoni taż-żgħażagħ
tal-Kampjonat Mondjali tal-Karate, li se jsir f’Diċembru li jmiss ġewwa Venezja