Dillon Cassar u Roberta Schembri rebħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-10 kilometri biex b’hekk kisbu doppjetta dan l-istaġun hekk kif aktar kmieni din is-sena rebħu wkoll il-5 kilometri.
Cassar, atleta ta’ Mellieħa AC ikkonferma d-dominju tiegħu fost l-irġiel b’rebħa konvinċenti f’ħin ta’ 31:06 fir-rotta ċertifikata ta’ Ħal Far, quddiem Luke Micallef (Pembroke Athleta) u Simon Spiteri (St Patrick’s), li rreġistraw ħinijiet rispettabbli ferm ta’ 31:52 u 32:28.
Din il-prestazzjoni se tkompli ssaħħaħ il-kunfidenza ta’ Cassar fit-tħejjija tiegħu biex jirrappreżenza lill-pajjiżna fil-Logħob tal-Mediterran fl-Alġerija.
Roberta Schembri kisbet rebħa oħra biex żiedet fuq il-Kampjonat Nazjonali tal-5k, bl-atleta tal-Evolve tidħol l-ewwel fost in-nisa f’ħin ta’ 35:45. Joelle Cortis ta’ Żurrieq żammet qrib ta’ Schembri għal ħinijiet twal tat-tellieqa iżda eventwalment kellha tikkuntenta bit-tieni post b’6:04. Lisa Bezzina (Pembroke) daħlet it-tielet f’37:05.
Iż-żagħżugħ ta’ Gozo Athletix David Borg daħal l-ewwel fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena, b’prestazzjoni mill-aqwa (33:35), fejn spiċċa l-ħames fil-klassifika ġenerali wara atleta Għawdxi ieħor Charlton Debono.