Hekk kif nhar is-Sibt li ġej Athletics Malta se tkun qed torganizza l-Kampjonati tax-Xitwa tal-atletika, fl-aħħar ġimgħat saru wkoll żewġ meetings ta’ tħejjija fil-Marsa. F’dawn il-kompetizzjonijiet, numru ta’ żgħażagħ emerġenti serqu x-xena u kisbu għadd ta’ rekords fil-kategoriji differrenti, u f’ċertu każijiet għelbu avversarji ta’ esperjenza akbar.
Waħda mill-aktar tlielaq eċitanti fiż-żewġ meetings kienet dik tas-60m sprint tal-irġiel. Fl-ewwel waħda, rebħa għal Jacob El Aida Chaffey (Zurrieq) b’6.94s, quddiem Luke Bezzina (Pembroke) b’7.15s, filwaqt li Luca Gerada ta’ Rush, b’7.18s, mhux biss temm fit-tielet post imma rnexxilu jugwalja r-rekord fil-kategorija U18.
Ġimgħa wara kien id-detentur tar-rekord nazzjonali tal-100m Beppe Grillo ta’ Pembroke li ħareġ rebbieħ, b’El Aida Chaffey jikkuntenta bit-tieni post. Grillo rebaħ f’ħin ta’ 6.84s, 0.14s quddiem ir-rivali tiegħu. Iż-żagħżugħ Jacques Borg, kiseb ħin ta’ 7.31s li fisser it-tielet post biex jugwalja l-aqwa ħin nazzjonali tal-U16.
Fost it-tfajiet, Thea Parnis Coleiro (Rush AC) tissorprendi rivali b’esperjenza, meta rebħet f’ħin ta’ 7.70s biex kisbet rekord kemm fil-kategorija U18 kif ukoll U20. L-atleti ta’ Pembroke Alessia Cristina (7.97s) u Rebecca Sare (8.06) temmew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Fuq distanza ta’ 600m, Isaac Bonnici kompla juri l-progress b’saħħtu tiegħu meta mhux biss rebaħ it-tellieqa f’ħin ta’ 1:20.08 iżda l-atleta ta’ Rush AC hawnhekk kiseb l-uniku rekord nazzjonali tal-kbar li kellna f’dawn iż-żewġ meetings, apparti li dan il-ħin huwa wkoll l-aqwa reġistrat minn atleta U20 u U23.
Anke t-tellieqa fuq 1000m kienet waħda li rat prestazzjonijiet pożittivi miż-żewġ sessi, b’Michael Debattista Segond (Pembroke) u Mireya Bugeja (Zurrieq) ikomplu jibnu fuq staġun b’saħħtu b’rebħiet ta’ 2:31.90 u 2:53.97 rispettivament, u fiż-żewġ każijiet jiksbu rekord fil-kategorija Under 20.
Fil-hurdles, 60m nisa, suċċess għal Kayleigh Anne Ellul (Rush AC) li b’ħin ta’ 9.60s poġġiet isimha bħala l-aqwa ħin qatt reġistrat minn atleta U16 u U18 fuq din id-distanza.
Il-qofol tal-istaġun tax-Xitwa tal-atletika Maltija issa se jintlaħaq mhar is-Sibt 8 ta’ Frar fl-Istadium tal-Atletika fil-Marsa.