Il-President tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, ippreżenta t-trofew u l-midalji lil Spanja wara li rebħu i-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt id-19-il sena, l-ogħla unur Ewropew ta’ din il-kategorija.
Il-finali ntlagħbet il-Ħadd filgħaxija f’Wrexham, Wales, bejn Spanja u l-Ġermanja, bi Spanja joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 b’goal f’kull taqsima.
Għall-Ispanjoli, dan kien l-10 titlu mirbuħ fil-kategoriji taż-żgħażagħ, b’Hugo Lopez u Mario Rivas jkunu l-iskorers.
L-Ispanjol Quim Junyent rebaħ il-premju tal-Player tat-Tournament, u ngħata t-trofew mis-Sur Vassallo fil-kapaċità tiegħu bħala President tal-Kumitat tal-Youths u l-Amateurs tal-UEFA.
Is-Sur Vassallo ppreżenta wkoll il-premju tal-Aqwa Skorer, il-midalji liż-żewġ finalisti u lill-uffiċjali tal-logħba, kif ukoll it-trofew prestiġjuż lit-team rebbieħ.




