Sunday, December 22, 2024

Atletika: Malta se tospita l-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2022

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (AASSE) aċċettat l-applikazzjoni ta’ Malta biex tospita l-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa f’Ġunju 2022, preludju prestiġjuż għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar (GSSE) li se jsiru f’pajjiżna sena wara.

Andy Grech, President ta’ Athletics Malta esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-aħbar: “Ninsabu ferm onorati li pajjiżna ntagħżel biex jorganizza dawn il-Kampjonati f’Malta s-sena d-dieħla. Dan l-avveniment se jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-mappa internazzjonali mhux biss fil-qasam tal-atletika iżda fix-xena sportiva kollha. Se jfissser li mijiet ta’ atleti internazzjonali ta’ livell għoli se jżuru Malta, u b’hekk jieħdu togħma ta’ dak li joffri pajjiżna filwaqt li noffru lill-aqwa atleti tagħna ċ-ċans li jkomplu jsaħħu t-tħejjiet tagħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023. Se tkun ukoll esperjenza importanti għall-uffiċjali tal-kompetizzjonijiet.”

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni, li saret f’Lausanne, fl-Iżvizzera fi tmiem il-ġimgħa fil-marġini tal-Kungress annwali tal-European Athletics, Andy Grech, President ta’ Athletics Malta kien elett Viċi President tal-istess organizzazzjoni, ħatra importanti għal uffiċjal Malti li se tkompli ssaħħaħ il-vuċi tal-komunità tal-atletika Maltija barra minn xtutna.

Grech spjega li fir-rwol il-ġid tiegħu, qed jipproponi li l-AASSE jkollha rwol ta’ koordinament biex il-pajjiżi ż-żgħar isaħħu l-kooperazzjoni bejniethom fir-rigward ta’ qsim ta’ riżorsi umani u infrastrutturali u biex jimbuttaw flimkien vuċi aktar b’saħħitha fuq livell internazzjonali. Għal dawn il-laqgħat attendew Sebastian Coe and Dobromir Karamarinov, rispettivament Presidenti ta’ World Athletics u European Athletics.

Waqt il-Kungress ta’ European Athletics, Dobromir Karamarinov kien uffiċjalment elett bħala President ta’ European Athletics President u Jean Gracia bħala Viċi President. Matul il-Kungress, uffiċjali ta’ Athletics Malta attendew diversi workshops dwar temi fosthom protokolli ta’ kontra d-doping, fondi Ewropej u governanza tajba kif ukoll dwar kompetizzjonijiet ġodda. Filfatt, European Athletics nediet struttura ġdida għal Kampjonati Ewropej mill-2023 ‘il quddiem.

Intant, f’laqgħa bilaterali li uffiċjali ta’ Athletics Malta kellhom mal-Federazzjoni Atletika tal-Balkani, din tal-aħħar ikkonfermat li se tkun qed taċċetta lil Malta bħala Stat Membru fi ħdanha. Dan se jwassal għal opportunitajiet importanti għal atleti Maltin biex jikkompetu f’livell għoli f’kompetizzjonijiet li jsiru fil-Balkani kif ukoll jieħdu sehem fi programmi ta’ taħriġ organizzati minnhom.

Ekonomija

Sport