Monday, May 13, 2024

MAFA: Żurrieq Sunrise u Senglea Gunners jżommu l-konsistenza

Aqra wkoll

Senglea Gunners u Żurrieq Sunrise baqgħu jżommu r-ritmu tajjeb li bdew bih l-istaġun hekk kif rebħu l-konfronti delikati tagħhom sabiex b’hekk jinsabu b’punti massimi fil-klassifika. Mill-banda l-oħra, Valletta St Pauls batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lil Qormi Hotspurs filwaqt li San Ġiljan Saints kellhom wirja tajba kontra Valletta Stars.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Swieqi Braves ikkonfermaw li se jkunu sfidanti għat-titlu wara rebħa faċli fuq Ta’ Ġiorni Wanderers filwaqt li Gudja Wanderers u Ħal Far Sparks ħadu l-ewwel punt tal-istaġun.

Żewġ gowls fit-tieni taqsima kienu biżżejjed għal Senglea Gunners sabiex jegħlbu lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa bl-iskor ta’ 2-0. Għal dawn tal-aħħar din kienet it-tieni telfa konsekuttiva wara li rebħu l-ewwel konfront tagħhom fil-kampjonat.

Minkejja kollox, it-tim mill-Kottonera ma seraq xejn u għalihom kien George Frendo li kien il-protagonista assolut meta skorja doppjetta b’gowls fit-48 minuta u t-63 minuta.

Referi kien Jonathan Balzan.

Gowl waħdani skorjat minn Rogger Patino Villada minn penalty kien strumentali sabiex Żurrieq Sunrise jirbħu t-tielet partita konsekuttiva wara li għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 1-0. Dawn tal-aħħar qed jiddiżappuntaw bi sħiħ hekk kif għadhom mingħajr rebħa minn tliet konfronti filwaqt li għandhom punt wieħed biss.

Żurrieq kellhom logħba tajba u kkonfermaw il-mument tajjeb li għaddejjin minnu. Minkejja l-isforzi ta’ Marsa li jsalvaw punt lejn l-aħħar, id-difiża tas-Sunrise żammet sod sabiex ħarġu bi tliet punti ferm importanti.

Referi kien Gjorgji Bitri

San Ġiljan Saints ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Valletta Stars bl-iskor ta’ 3-0. Il-Ġiljaniżi għandhom tim kumpatt b’difiża soda li ftit qed taqla’ gowls fejn s’issa kienu wieħed mill-iktar timijiet li impressjonaw.

Min-naħa tagħhom, Valletta Stars dabbru t-tielet telfa konsekuttiva u jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika flimkien ma’ Qormi Hotspurs. Huma kellhom mumenti tajbin f’din il-partita fejn anke fallew penalty u sabu lill-gowlkiper avversarju f’forma mill-aqwa.

Wara skor ta’ 0-0 fl-ewwel 35 minuta, San Ġiljan marru fil-vantaġġ permezz ta’ Radu Vlase b’Conor Murphy jirdoppja l-iskor għat-tim tiegħu. Jay Harper issiġġilla r-rebħa għas-Saints.

Referi kien Lorry Sammut.

Wirja qalbenija minn Qormi Hotspurs ma kinitx biżżejjed sabiex jevitaw it-tielet telfa konsekuttiva wara skor ta’ 3-1 kontra Valletta St Pauls. Dawn tal-aħħar sabuha ferm diffiċli kontra ż-żgħażagħ Qriema li kienu tattikament dixxiplinati bil-gowlkiper tagħhom li ċaħħadhom għal diversi drabi b’saves tajbin.

Kienu proprju Qormi li marru fil-vantaġġ mas-siegħa logħob permezz ta’ Matthew Scicluna.
Il-Beltin bħal donnhom qamu u f’temp ta’ seba’ minuti dawru l-iskor favurihom b’gowls ta’ Tyron Borg, Kane Psaila u Axel Fleri.

Referi kien Milos Kristic

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Swieqi Braves kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers bl-iskor ta’ 4-0.

It-tim magħmul minn studenti Franċiżi li qed jistudjaw l-Ingliż f’Malta għamlu l-affarijiet ċari sa mill-bidu u skorjaw żewġ gowls f’kull taqsima sabiex aċċertaw ir-rebħa finali. Antoine Penas, Timote Mazzoni, Estebane Ringuet u Tanguy Mathe skorjaw il-gowls importanti għat-tim tagħhom.

Referi kien CJ Saliba

Sadanittant Gudja Wanderers u Ħal Far Sparks kisbu l-ewwel punt tagħhom staġjonali meta l-logħba ta’ bejniethom spiċċat fi dro ta’ 0-0.

Kienet logħba fejn id-difiżi rispettivi iddominaw fuq l-attakkanti li ftit sabu spazji sabiex isibu t-triqithom lejn il-lasta.

Madankollu dan id-dro jservi ta’ mitqlu deheb għaż-żewġ timijiet li kienu ġejjin minn żewġ telfiet konskuttivi.

Referi kien Reno Galea.

KLASSIFIKA – L-EWWEL DIVIŻJONI

Senglea Gunners, Żurrieq Sunrise 9, San Ġiljan Saints 7, Valletta St Pauls 6, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 3 Marsa St Michael 1, Qormi Hotspurs, Valletta Stars 0

KLASSIFIKA – IT-TIELET DIVIŻJONI

Żabbar Southsiders, Floriana Fsobians, Swieqi Braves 6, Birkirkara St Joseph, 3, Gudja Wanderers, Ħal Far Sparks 1, Ta’ Giorni Wanderers 0

Sport