Saturday, November 21, 2026
Home Sport Birkirkara jissuperaw lil Birżebbuġa St Peter’s b’penalty deċiżiv fil-ħin miżjud

Birkirkara jissuperaw lil Birżebbuġa St Peter’s b’penalty deċiżiv fil-ħin miżjud

0
38
File Photo: Mark Mangion

Minn Cristian Muscat

Birżebbuġa St Peter’s …..2

Birkirkara …………….…….3

Birkirkara kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra Birżebbuġa St Peter’s, fid-debutt ta’ Winston Muscat bħala coach, f’partita li offriet ħames goals, diversi opportunitajiet ta’ skor u interventi deċiżivi mill-FVS.

Qabel il-bidu tal-konfront ġiet osservata minuta silenzju b’tifkira ta’ Galen Sammut, li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 39 sena jum qabel il-partita. Il-players ta’ Birkirkara lagħbu wkoll b’faxxa sewda bħala sinjal ta’ luttu.

L-Istripes fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti meta Franklin Sasere kkonkluda minn pożizzjoni ideali. Dan kien is-seba’ goal tiegħu tal-istaġun, ħamsa minnhom minn penalties. Madankollu, Birżebbuġa wieġbu malajr u ħames minuti wara kisbu d-draw permezz taż-żagħżugħ Federico Galea, li skorja fl-ewwel dehra tiegħu bħala titular wara li kien iddebutta fil-partita preċedenti kontra Mosta.

Birkirkara kellhom opportunità oħra permezz ta’ Franklin Sasere, li d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit għoli, iżda fil-bidu tat-tieni taqsima kienu Birżebbuġa li ħarġu aktar aggressivi. Jackson Mendoza hedded il-lasta b’xutt mill-bogħod, qabel ma cross-shot tiegħu ħabat mal-wieqfa.

Ftit wara, wara konsultazzjoni mal-FVS, ir-referee Ishmael Barbara ordna penalty favur Birżebbuġa minħabba foul fil-kaxxa fuq Alex Bruno Sousa Silva. Stipe Tokic inkariga ruħu mill-penalty u poġġa lit-team tiegħu fil-vantaġġ. Mendoza kompla jkun ta’ theddida b’kontrattakk veloċi, iżda x-xutt tiegħu ġie salvat minn Rashed Al Tumi.

Birkirkara rreaġixxew u fis-69 minuta kisbu d-draw b’auto-goal sfortunat ta’ Tokic, li fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Ftit wara, Aleandro Garzia tilef ċans inkredibbli minn taħt il-lasta biex l-Istripes jerġgħu jmorru fil-vantaġġ.

Id-drama kompliet fit-88 minuta meta Barbara inizjalment ordna penalty favur Birkirkara, iżda wara konsultazzjoni mal-FVS innota fawl f’azzjoni preċedenti u ħassar id-deċiżjoni tiegħu.

Madankollu, Birkirkara ma kellhomx jistennew ħafna biex jingħataw penalty ieħor. Fil-ħin miżjud, Miguel Azzopardi waqqa’ lil Zach Muscat fil-kaxxa u Franklin Sasere ma żbaljax mill-ħdax-il metru, biex skorja t-tieni goal personali tiegħu u ta rebħa ta’ 3-2 lil Birkirkara, proprju fid-debutt ta’ Winston Muscat.

Birzebbuga SP: Mattia Chiesa, Gustavo Felipe De Campos, Zachary Cassar (Miguel Azzopardi 86), Stipe Tokic (Gabriel Costa Gncalves 75), Rasmus Pedersen, Federico Galea (Kurt Bondin 75), Juan Andres Ramires Bolanos, Alessandro Coppola, Alex Bruno De Souza Silva, Zachary Scerri, Jackson Mendoza Coach: Luciano Martel Santana   

Birkirkara: Rashed Al Tumi, Wesley Frazan, Rafael Vicente Santos, Kemar Reid, Jan Busuttil (Louis Pahama 65), Jefferson Vinicius Vitor Da Silva (Keith Brewer Shaft Jr 65), Zach Muscat, Franklin Sasere, Pablo Gabriel Sousa Alves, Aleandro Garzia, Junior Amarildo De Souza (Aleksandar Dordevic 86) Coach: Winston Muscat

Referee: Ishmael Barbara

Ass. Referees: James Muscat, Duncan Spencer

Raba’ Uffiċjal: Slobodan Petrovic

Skorers: F. Sasere 4, S. Tokic og 69, F. Sasere pen. 96 (B), F. Galea 9, S. Tokic pen. 57 (BSP)

Ammoniti: F. Galea, J. A. Ramires Bolanos, S. Tokic (BSP), W. Frazan (B)

Player tal-Logħba: Alex Bruno De Souza Silva (BSP)  

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here