Sunday, November 24, 2024

Atletika: Mario Grech, Michelle Dimech jirbħu l-Eurosport Safi 5k

Aqra wkoll

Mario Grech (Mellieħa AC) and Michelle Dimech (DSports Lab) huma r-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Eurosport Safi 5k organizzata minn Rush Athletics Club.

Din it-tellieqa kompliet tikber fil-popolarità, u s-sitt edizzjoni tagħha attirat aktar minn 350 atleta f’atmosfera ta’ ċelebrazzjoni sportiva mill-isbaħ. Grech daħal fl-ewwel post b’ħin ta’ 15:53 quddiem Christian Bugeja ta’ Evolve (16:28) u Miguel Cassar ta’ Mellieħa wkoll (16:56). B’dan il-ħin, Cassar kiseb ukoll l-ewwel pożizzjoni fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena.

Fost in-nisa, Dimech rebħet din l-edizzjoni f’ħin tajjeb ta’ 18:12, fejn saħansitra kisbet course record ġdid, li qabel kien jappartjenti għal Josann Attard Pulis (18:22).  L-atleta Għawdxija daħlet quddiem Hayley Acreman (Evolve Endurance Club – 19:46) u Brenda Cascun (Team MH – 20:25).

Fost iż-żgħażagħ, żewġ riżultati interessanti kienu miksuba minn żewġ atleti ta’ Rush, b’Isaac Bonnici (17:25) u Isaac Luca Scicluna (17:34) jirbħu l-kategoriji Under 18 u Under 16 rispettivament. Shannen Mallia u Faith Grixti (Rush AC) kienu l-ewwel fost it-tfajliet f’dawn iż-żewġ kategorji.

Il-klabb ta’ Rush AC organizza wkoll tellieqa ta’ kilometru li għaliha ħadu sehem 66 tifel u tifla ta’ età bejn 8 u 15-il sena. Sara Giordano Imbroll (Mellieħa AC) u Andre Gauci (Rush AC), li kienu qed jipparteċipaw fil-kategorija 13-15-il sena kienu l-ewwel fil-linja finali, filwaqt li Martina Scicluna (Rush AC) u Giacomo Portelli (Rush AC) daħlu ta’ quddiem fil-kategorija 11-12, b’dan tal-aħħar jidħol bi żbrixx quddiem Kurt Ciantar. Fost l-iżgħar atleti li ħadu sehem, dawk tal-kategorija 8-10, rebħiet għal Logan Bezzina (Pembroke A) u Asia Psaila (Rush AC).

L-avveniment kien appoġġat minn Eurosport, l-isponsor ewlieni tat-tellieqa, kif ukoll Frank Salt, Protein Malta, Eetwell u Convenience Shop.

Sport