Wednesday, July 24, 2024

Atletika: Midajla tal-fidda għal Graham Pellegrini fil-Kampjonat tal-Mediterran U23

Aqra wkoll

Graham Pellegrini kiseb midalja tal-fidda għal Malta waqt il-Kampjonati tal-Mediterran Under 23 li saru f’Ismaila, fl-Eġittu. Fis-Suez Canal Stadium, huwa spiċċa t-tieni post fit-tellieqa tal-400m, b’ħin ta’ 47.88s, wara Marc Anthony Ibrahim (Libanu) u quddiem Youssef Kamal Farag tal-Eġittu.

Malta kienet ilha ma’ tkun fuq il-podju f’dawn il-Logħob mis-sena 2016 meta Charlotte Wingfield kienet rebħet il-bronż fit-Tuniżija.

Fil-100m sprint, Beppe Grillo mar verament viċin Ii jikseb midalja oħra għal Malta, iżda finalment temm fir-raba’ post b’ħin ta’ 10.60s, 0.04s  biss mit-tielet. It-tellieqa ntrebħet mill-Portugiż Gabriel Maia f’10.47s.

Atleta ieħor li fi tmiem il-ġimgħa kien qed jikkompeti barra minn xtutna kien Gabriel Farrugia (Evolve Endurance Club), li fin-Next Generation Athletics meeting li sar f’Nijmegen, stabbilixxa rekord nazzjonali ġdid, suġġett għar-ratifikazzjoni uffiċjali, fil-kategorija U23 fuq 5000m, b’ħin ta’ 14:51s

Intant, lura f’pajjiżna, Athletics Malta organizzat il-ħames Challenge Meeting tal-istaġun hekk kif l-atleti komplew iħejju għall-Kampjonati Nazzjonali jew jiksbu riżultati Ii jikkwalifikawhom għal avvenimenti internazzjonali.

Nicolai Bonello kiseb rekord nazzjonali ieħor fil-pole vault, meta qabeż 4.85m.

Michael Debattista Segond kompla juri l-progress tiegħu b’rekord fil-kategorija Under 18 fil-1500, fejn kien verament viċin li jniżżel dan ir-rekord għall-ewwel darba taħt l-erba’ minuti, meta temm f’4:00.09.

Fix-shotput, Miguel Buttigieg (La Salle) kellu tefa’ eċċellenti ta’ 14.78m, li fisser rekord fil-kategorija Under 20.

Fi tmiem il-ġimgħa li ġej, is-Sibt u l-Ħadd, l-attenzjoni ddur fuq l-atleti emerġenti ta’ pajjiżna bil-Kampjonat Nazzjonali taż-Żgħażagħ fl-Istadium tal-Marsa.

Ekonomija

Sport