Tuesday, December 24, 2024

Attakk bil-missili mir-Russja jħalli 19-il persuna mejta f’Odessa

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 19-il persuna, fosthom tfal, tilfu ħajjit­hom waqt attakk bil-missili li r-Russja għamlet fin-Nofsinhar tar-reġjun ta’ Odessa fl-Ukrajna. Is-servizz tal-emerġenza Ukren magħruf bħala DSNS qal li kważi nofs il-vittmi kienu jinsabu f’binja ta’ disa’ sulari ġewwa l-villaġġ ta’ Serhiyivka li ntlaqtet minn missila. Kien hemm imbagħad missila oħra li laqtet villaġġ popolari ħafna għall-ġiti fejn hemm tilfu ħajjithom għadd ta’ persuni u anke tfal.

Dan kollu seħħ hekk kif matul dawn l-aħħar jiem ir-Russja sparat għexieren ta’ missili lejn bliet Ukreni. Min-naħa tagħha r-Russja baqgħet tinsisti li hija qatt ma wettqet attakki fuq nies ċivili. Minkejja din l-istqarrija, eluf ta’ ċittadini tilfu ħajjit­hom minn meta r-Russja bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar li għadda. Ir-Russja sejħet din l-offensiva bħala “operazzoni speċjali” filwaqt li l-Ukrajna qalet li din hija gwerra mhux provokata. 

L-attakk bil-missili min-naħa tar-Russja sar hekk kif it-truppi Russi telqu minn Snake Island, li hija gżira deżolata iżda fl-istess waqt strateġika. Din kienet intreb­ħet mir-Russja propju fl-ewwel jum tal-gwerra u kienet qiegħda tiġu użata għall-imblokk tal-port ta’ Odessa u oħrajn. 

Fid-dawl ta’ dan Zelenskiy qal li dan ma jfissirx li din iż-żona hija sigurtà u ma hemm l-ebda garanzija li r-Russi mhux se jirritornaw hemm, iżda hija aħbar tajba hekk kif l-azzjonijiet Russi fiż-żona issa ġew illimitati. Zelenskiy qal li, “bil-mod il-mod ħafna se nimbuttawhom lura mill-ibħra, l-art u l-ajru”. 

Min-naħa tagħhom ir-Russi qalu li t-tluq minn Snake Island huwa “ġest ta’ rieda tajba” u turija ta’ prova li huma mhux qed jipprovaw jostakolaw l-esportazzjoni tal-qmuħ minn Odessa u portijiet oħrajn Ukreni. Huma ċaħdu wkoll ir-rapporti tal-Ukrajna li qed ikomplu jwettqu attakki fuq iż-żoni fejn jiġi maħżun il-qamħ.

Ekonomija

Sport