Saturday, December 21, 2024

ATTAKK FUQ JEW SE NSOSTNU LIL MARSASKALA?

Aqra wkoll

Dan l-aħħar tqassmu leaflets fuq Marsaskala bit-titlu ‘Attakk fuq Marsaskala’.  Fuq naħa hemm mappa ta’ Wied il-Għajn b’10 postijiet immarkati fejn kien hemm jew jista’ jkun hemm xi żvilupp.  Jidher li din ġiet ippubblikata mill-Moviment Graffitti.fiti

Kif bdejt naqra mal-ewwel waqaft minħabba dawn iż-żewġ sentenzi –

‘Qed jinħmew diversi ‘proġetti’ li ser jaffettwaw ħażin lil Marsaskala.  Dawn jinkludu ftehim sigriet bejn l-awtoritajiet u interessi privati, sotto-kumitati illegali………’  Jien nemmen li jekk il-Moviment Graffitti jew xi ħaddieħor jaf li qed isir ‘ftehim sigriet bejn l-awtoritajiet u interessi privati’,  l-obbligu tagħhom, l-ewwel u qabel kollox, hu li jirrappurtaw lill-Pulizija dawn il-persuni involuti biex dawn jieħdu passi.  Barra minhekk għandhom isemmuhom b’isimhom.  Għalija, li int tkun taf b’xi ħaġa illegali li għamel xi ħadd u ma takkużahx biha lill-awtoritajiet kompetenti, ma tkun qed tagħmel xejn għajr turi dgħufija tiegħek u nuqqas ta’ serjeta’.  Dan in-nuqqas ġej mill-fatt li int sempliċiment qed tinqeda biha biex tgħajjar u tħammeġ lil xi ħadd u  mhux biex tirranġa l-affarijiet.

Din hi t-tattika li ġeneralment li tintuża minn politikanti avukati li jħammġu lil dak u l-ieħor imma jużaw lingwa li teħlishom minn kull akkuża ta’ malafama.  Il-maġġoranza tal-poplu xeba b’din it-tattika li jidher li qed tinfirex ma’ kull settur. Din hi tattika li nħammeġ lil dak u l-ieħor mingħajr ma ħadd iżommni responsabbli.  

Issa niġu għal dawn ‘il-proġetti’ li ser qed jingħad li ser jaffettwaw ħażin lil Wied il-Għajn.  L-ewwel wieħed hu s-sit li kellha tieħu l-AUM.  Sal-lum dan għadu ma sarx għaliex l-AUM għadhom ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet li kellhom fil-kuntratt.  Din turi serjeta’ għaliex qed jinżammu r-regolamenti.  

Biss niftakru fl-attakki li saru speċjalment minn Simon Busuttil u sħabu fuq l-AUM.  Imma kontra dak li stennew ħafna nies, l-AUM għadha hemm, taħdem u m’għalqitx.  

X’kien l-effett meta kien tħabbar dan is-sit.  L-ewwel effett kien li f’daqqa l-prezzijiet tal-proprjeta’ f’Wied il-Għajn telgħu li żgur kien ta’ ġid għal dawk l-Iskalin li għandhom proprjeta’.  Irridu niftakru li dak iż-żmien filwaqt li l-prezzijiet ta’ proprjeta’ f’Malta kienu telgħin ġmielhom, f’Wied il-Għajn il-prezzijiet kienu staġnati.

Biss it-tħabbira ġabet ukoll titjib fl-ambjent.  Is-sit fejn tista’ tespandi l-AUM kien post mitluq.  Mhux talli hekk iżda kien jintuża minn ħafna nies biex jarmu l-imbarazz tagħhom hemm.  Niftakar il-protesti li kienu saru minn S Busuttil u sħabu għax qalu li qed jipprotestaw biex jippriservaw l-ambjent.  Imma, tiskanta li wara l-protesti ħadd minn dawk li pprotesaw għax ‘iħobbu l-ambjent’ ma mar biex jipprova jiżbarazza dan il-post.  Kien dan il-gvern li beda jnaddfu.  Il-gvern ta’ qabel ħalla lil kulħadd juża dan is-sit bħala miżbla.  Ara dak iż-żmien la l-Graffitti u l-ebda ambjentalist ma pprotesta. Dawn huma l-ambjentalisti  Maltin! 

Jekk niġu għall-proġetti l-oħra li ssemmew tista’ taqsamhom fi tnejn.  L-ewwel hemm dawk li kienu  diġa’ saru qabel 2013 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.  Ara dakinhar, l-istess ħadd minn dawk li qed jipprotestaw ma pprotesta.  Fosthom hemm il-bini li tela’ San Tumas.  Għalkemm il-gvern ta’ dakinhar kien uffiċjalment kontra l-bini mingħajr permess, xorta pprovdilhom l-elettriku u l-ilma li jfisser li mhux vera kien kontra dan il-bini.  

Din il-leaflet semmiet ukoll is-sit fejn kien hemm il-lukanda Jerma.  L-iżvilupp f’dan is-sit diġa’ kien magħruf qabel 2013.  Imma dak iż-żmien ma jimpurtax.  Lanqas ma kienu tkellmu meta t-torri beda jintuża bħala restorant.  

Imma mbagħad issemmew numru ta’ proġetti oħra.  Nibdew bil-Yacht Marina.  Kif tħabbar ma kont xejn kuntent għaliex l-affarijiet ġew ippreżentati bħala fatta mingħajr ma ngħataw dettalji ħlief li ser ikun hemm yacht marina.  Imma l-Prim Ministru mal-ewwel ħareġ jgħid li dan l-iżvilupp mhu ser iċaħħad lil ħadd mill-għawm għaliex l-għawm xorta ser jibqa’ f’dawn il-postijiet.  Barra dan, qabel ma jsir dan il-proġett ser ikun hemm konsultazzjoni pubblika u dan il-proġett ser ikun sostenibbli u jħares l-ambjent.

Irridu niftakru li Wied il-Għajn illum żviluppa f’belt żgħira fejn il-maġġoranza tan-nies qed jgħixu hemm.  In-nies jippreferu li jkollhom is-servizzi magħhom milli jridu jmorru post ieħor biex jinqdew.  Proġetti bħal dawn iressqu aktar żvilupp f’Wied il-Għajn.  

L-iżvilupp hu importanti għan-nies.  Jien niftakar il-Fgura fis-70 ijiet, 80 ijiet u l-bidu tad-90 ijiet.  Ħlief bini ma kienx hemm.  Biex tinqeda għal xi ħaġa kellek mill-anqas tmur Raħal il-Ġdid.  Kienet belt mejta.  Meta twaqqfet il-Gallerija, beda l-iżvilupp u llum issib kollox fi Triq Ħaż-Żabbar.  Mhux talli hekk, talli llum nies barra l-Fgura jinżlu l-Fgura biex jinqdew.  Dan kien attakk fuq il-Fgura jew sostenn?

Għalhekk, jien ma nara xejn ħażin għal Wied il-Għajn meta jkun hawn żvilupp sostenibbli.  Li nirranġaw is-sistema tat-traffiku, li jkun hawn waterpolo pitch u Clubhouse oħra, li jkun hawn aktar kiosks, hemm xi ħaġa ħażina?  Sintendi fil-leaflet intefa’ dell ikrah kważi fuq kull ħaġa biex dawn l-affarijiet jidhru koroh u ta’ ħsara lil Marsascala.

Sintendi dan ma jfissirx li dawn jew affarijiet oħra għandhom isiru bl-addoċċ.  Dawn l-affarijiet għandhom isiru b’mod sostenibbli.  U hawn toħroġ id-differenza bejn l-ambjentalisti u dawk bħali li nemmnu fi żvilupp sostenibbli.  

Id-differenza bejn ambjentalist u wieħed li jemmen f’iżvilupp sostenibbli hi din.  Ġeneralment ambjentalist ikollu tendenza li jkun irid iżomm l-affarijiet ta’ madwaru kif inhuma.  Hu għalhekk li kull żvilupp jarah bħala kruha u xi ħaġa li qed tkisser l-ambjent naturali.  Li kieku kien għalihom ma jsir l-ebda żvilupp.   Sintendi dan ma jgħoddx għalihom.  Tista’ tgħoddhom fuq id waħda l-ambjentalisti li ma jużawx karozza tagħhom iżda jużaw il-karozza tal-linja jew imorru fejn jenħtieġ bil-mixi.  L-istess, ftit huma dawk li jgħidu li huma ambjentalisti u fl-istess ħin tarahom jagħmlu xi ħaġa favur l-ambjent bħal per eżempju, inaddfu l-ambjent ta’ madwarhom.  Barra minhekk, ħadd minnhom ma ddejjaq jara Wied il-Għajn jiżviluppa għax dan ipprovdilhom id-djar tagħhom.  Ara hemm ma jimpurtax li qasam li kien kollu għelieqi spiċċa biex jinbnew id-djar.  Ir-raġuni hi li basta nqdew huma.

l-iżvilupp sostenibbli għandu l-għan li ħaġa li qegħda mitluqa tiġi żviluppata.  Biss din trid tiġi żviluppata b’mod li barra li ser tkun ta’ ġid lin-nies tal-madwar tkun ukoll mhux biss tipproteġi l-ambjent, iżda ssebbħu.  U hekk għandu jsir f’Wied il-Għajn – inkomplu niżviluppawh biex barra li jkun ta’ ġid għall-Iskalin, xorta nippriżervaw il-karatteristiċi u l-ambjent tiegħu.

Ekonomija

Sport