Sunday, December 22, 2024

Attakk terroristiku jħalli 20 persuna mejtin ġewwa l-Afganistan

Aqra wkoll

Iktar minn 20 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li 16 sofrew ġrieħi wara attakk b’armi tan-nar u bombi fi sptar militari ġewwa l-kapitali Afgana Kabul.

L-aggressuri attakkaw l-isptar ta’ Sardar Daud Khan billi l-ewwel splodew żewġ bombi kbar barra l-bini, u wara daħlu fil-bitħa tal-isptar. Dan l-isptar fih mal-400 sodda. Il-grupp magħruf bħala IS-K, li għandu rabtiet mal-Istat Iżlamiku, qal li kien wara dan l-attakk.  Kelliemi għat-Taliban qal li l-ġellieda tagħhom qatlu erba’ aggressuri tal-IS-K filwaqt li qabdu wieħed ħaj. Huwa tenna li l-forzi tat-Taliban irrispondew malajr permezz ta’ ħelikopers u ma ħallewx lill-aggressuri tal-IS-K jidħlu fil-bini tal-isptar. Il-kelliemi tenna li s-sitwazzjoni kienet ikkontrollata fi 15-il minuta. 

Minn kemm ilhom li t-Taliban ħadu l-kontroll tal-Afganistan, il-militanti tal-IS-K wettqu numru ta’ attakki terroristiċi. Attakk kbir li kienu wettqu kien seħħ f’Awwissu li għadda fl-ajruport internazzjonali ta’ Kabul meta dakinhar kienu tilfu ħajjithom 150 persuna ċivili u 13-il suldat Amerikan. 

L-IS-K jopponu t-tmexxija tat-Taliban minħabba li huma jqisu lill-mexxejja l-ġodda tal-Afganistan bħala tradituri wara li daħlu f’negozjati mal-Istati Uniti biex din tal-aħħar titlaq mill-Afganistan. 

Ekonomija

Sport