Wednesday, March 27, 2024

Imnedija linji gwida dwar ir-rikonoxximent tas-sess, is-sesswalità u l-ġeneru għas-servizz pubbliku

Aqra wkoll

Tnedew għall-ewwel darba linji gwida tal-gvern Malti dwar ir-rikonoxximent tas-sess, is-sesswalità u l-ġeneru mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici.

Il-linji gwida ġew żviluppati mit-Taqsima tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Id-dokument jipprovdi gwida lill-amministrazzjoni pubblika dwar il-ġbir, l-użu u l-emendar tal-informazzjoni dwar l-isem u/jew is-sess jew it-terminoloġija tal-ġeneru f’rekords personali individwali jew meta tikkomunika ma’ utenti tas-servizzi. Dan kollu huwa parti mill-bini ta’ servizz pubbliku li dejjem jinbidel u jadatta ruħu għar-realtajiet moderni filwaqt li jipprovdi servizz ta’ kwalità għolja.

Taħriġ dwar il-linji gwida se jingħata b’kollaborazzjoni mal-Istitut għas-Servizz Pubbliku mis-sena d-dieħla.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-miżuri konkreti implimentati mill-gvern mill-2013 ’l hawn, poġġew lil pajjiżna fl-ewwel post fir-rigward tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ.

“Imma għad fadal ħafna xogħol xi jsir,” kompla l-Ministru Bonnici, “u dawn il-linji gwida huma pass ieħor importanti biex tiġi żgurata d-dinjità u r-rispett fil-livelli kollha għal kulħadd, irrispettivament mis-sesswalità jew il-ġeneru ta’ dak li jkun. Permezz ta’ dawn il-linji gwida, aħna nimmiraw li nibnu servizz ta’ eċċellenza f’dinja moderna li dejjem timxi id f’id mar-rekwiżiti u l-bidliet fis-soċjetà, sabiex niżguraw kwalità konsistenti u għolja fid-dipartimenti u entitajiet tal-gvern.”

Ekonomija

Sport