Thursday, March 28, 2024

Il-mod kif inħadmu l-kontijiet tal-Arms kienu ġeneralment korretti

Aqra wkoll

Il-kumpaniji tad-dawl u l-ilma flimkien mal-ARMS dejjem ibbażaw il-kontijiet fuq bażi pro-rata u dejjem kienu ġeneralment korretti.

Dan ħareġ minn rapport tal-Awditur Ġenerali Charles Deguara dwar l-ismart meters li għadu kif ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika qal li f’dan il-każ, il-units f’tariff bands differenti jitqassmu proporzjalment kull xahar jew xahrejn skont it-tip u l-perjodu tal-kont. L-istess Uffiċċju qal li din il-prattika kienet approvata mir-Regolatur.

Dan ir-rapport sab li kontijiet maħduma skont din il-metodoloġija ġeneralment kienu korretti.

Minn rapporti oħrajn, l-NAO kkonferma li toħroġ varjanza bejn il-metodoloġija attwali tal-kontijiet u l-metodu annwalizzat. Fit-tieni każ, il-kontijiet jinħadmu billi l-konsum jitqies fuq sena skont il-massimu ta’ units u eko-kontribuzzjoni li jintużaw f’dan il-perjodu.

Fil-fatt, l-analiżi tal-NAO turi li, fl-2020, 46 u 63 fil-mija tat-total tal-kontijiet li ġew studjati, tad-dawl u tal-ilma rispettivament, ma kellhomx varjanza sinifikattiva, essenzalment ta’ anqas minn €2 fis-sena, waqt li l-varjanzi ferm aktar sinifikattivi kienu dovuti għas-sezzjoni ta’ dawk li jkollhom konsum qawwi.

L-istqarrija żiedet tgħid li peress li l-każ huwa sub judice, huwa prudenti li l-NAO jillimita l-kummenti tiegħu għal dak imsemmi hawn fuq.

Minkejja dan l-Awditur Ġenerali innota li fid-diskors riċenti tal-Budget, il-gvern impenja ruħu li jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-metodoloġija tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

L-Awditur Ġenerali temm jgħid: “F’dan ir-rigward, dan l-uffiċċju jħoss li huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna l-prinċipju fundamentali li min iniġġeż għandu jħallas, li huwa stipulat fl-Artiklu 191 tat-Trattat dwar il-mod ta’ kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea.”

“Ir-rapport reġa’ kkonferma kif il-kontijiet tal-enerġija llum jinħadmu bl-istess mod li dejjem inħadmu”

Intant il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali, ‘Smart and RF meters’ contribution to more accurate and timely utilities billing’, reġa’ kkonferma kif il-kontijiet tal-enerġija llum jinħadmu bl-istess mod li dejjem inħadmu. Fil-fatt, ġie nnutat li l-unika bidla li saret mill-2013 ’il quddiem kienet li dawn il-kontijiet roħsu b’25%.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-liġi li hemm fis-seħħ illum u li fuqha jinħadmu l-kontijiet daħlet fl-2009. Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Awditur Ġenerali kien ċar meta qal; “Practices adopted by the utilities’ corporations and ARMS have always been based on pro rata basis” u “all workings were found to be correct”.

Filwaqt li kawt minħabba interpretazzjonijiet differenti f’każ li hemm quddiem il-Qorti, meta kkummenta fuq tibdil li jista’ jsir fuq is-sistema preżenti, il-Ministeru nnota li l-Awditur Ġenerali qal li kwalunkwe bidla trid tkun studjata b’reqqa u b’responsabbiltà. Skont ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, dan għandu jiġri għaliex jeżisti r-riskju li l-bidla tista’ twassal biex iżżid il-kontijiet ta’ ċertu klijenti, filwaqt li wera tħassib ukoll li ssir b’mod li tippremja lil min jaħli l-iktar, xi ħaġa li l-Awditur Ġenerali nnifsu jgħid li tmur għalkollox kontra l-polluter pays principleu allura kontra t-trattat tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji li jirriżultaw minnu.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali jgħid li, bis-sistema tal-annualisation, konsumaturi li jaħlu ħafna se jgawdu l-aktar, filwaqt li konsumaturi li joqgħodu attenti fil-konsum tagħhom jispiċċaw jintlaqtu ħażin.

Dan jirrifletti dak li diġà ddikjara l-Ministeru għall-Enerġija meta qal li dikjarazzjonijiet mgħagġla li saru mill-Oppożizzjoni kienu se jżidu l-kontijiet ta’ eluf ta’ klijenti u kienu se jipperikolaw ukoll il-benefiċċju tal-eco-reduction. L-Awditur Ġenerali jinnota wkoll id-dikjarazzjoni tal-gvern fil-Baġit 2022, fejn impenja ruħu li jindirizza din il-kwistjoni u ntqal b’mod ċar li kull bidla li ssir trid tkun “ġusta għal kulħadd.”

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Ministeru osserva li l-Awditur Ġenerali kien ċar illi l-kontijiet maħduma skont din il-metodoloġija ġeneralment kienu korretti.

Għalhekk li l-Awditur Ġenerali kiteb; “more in-depth studies are required as quasi favouring the heaviest peak consumers would deviate from the fundamental polluter pays principle”.

Il-Ministeru qal li l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet maħsuba u mhux ibbażati fuq il-populiżmu jirriflettu l-pożizzjoni li diġà ħa dan il-gvern li fil-Baġit għas-sena d-dieħla ddikjara li se titħabbar sistema ġdida li hi ġusta għal kulħadd mingħajr ma tagħmel impatt negattiv lil ebda klijent. Il-Ministeru qal li dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien qed jingħad mill-Oppożizzjoni, li bil-proposta mgħaġġla tagħhom kienu se jwasslu biex jgħolew il-kontijiet lil eluf ta’ klijenti. 

Il-Ministeru temm jgħid li filwaqt li l-Oppożizzjoni ma toffrix soluzzjonijiet studjati, il-gvern Malti baqa’ jassigura l-irħas kontijiet għall-konsumaturi Maltin fi żmien ta’ kriżi internazzjonali, meta fl-istess ħin f’pajjiżi oħra madwar l-Unjoni Ewropea kienu reġistrati żidiet konsiderevoli. 

Żied jgħid li Malta llum għandha l-irħas kontijiet tal-enerġija fiż-Żona Ewro għax dan il-gvern għażel li jieħu n-naħa tal-konsumaturi Maltin u Għawdxin u ma jitfax fuqhom piżijiet ta’ pressjonijiet internazzjonali meta għadna ħerġin minn pandemija.

Ekonomija

Sport