Monday, May 11, 2026

MAFA: Senglea Gunners jtemmu l-kampjonat fit-tieni post

Aqra wkoll

Senglea Gunners temmew il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Marsa St Michael 2-1 fil-konfront dirett.

Senglea Gunners – Marsa St Michael 2-1

Senglea Gunners kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Marsa St Michael fid-dwell għat-tieni post tal-klassifika. Din kienet l-aħħar ħarġa taż-żewġ timijiet f’dan il-kampjonat bil-partita tiżvolġi f’waħda ferm pjaċevoli.

Kienu Senglea li marru minn fuq fil-15-il minuta hekk kif Ousman Jallow għeleb lill-goalkeeper ta’ Marsa. Fit-tieni taqsima, it-tim mill-Kottonera rdoppja l-iskor sabiex fit-62 minuta, Marsa naqqsu l-marġni tal-iskor minn penalty ta’ Sabri El Mansar.

Referee kien Lorry Sammut.

Valletta Stars St Dominic – Valletta St Paul’s 2-2

Id-derby tal-kapitali bejn Valletta Stars St Dominic u Valletta St Paul’s intemm fi draw spettakolari ta’ 2-2. Kienet logħba ta’ botta u risposta hekk kif wara li s-St Paul’s marru minn fuq, dejjem sabu lill-Istilel Beltin li jirrispondu. Fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultat ta’ draw kien l-iktar wieħed ġust.

Kien Guillherme da Lima li poġġa lil Valletta St Paul’s minn fuq sabiex fit-tieni taqsima, Isah Mustapha Abdullah ġab l-iskor indaqs għal Valletta Stars.

Is-St Paul’s reġgħu marru minn fuq minn Jorge Diaz iżda Klajdi Qose irrisponda u ta punt lil Valletta Stars.

Referee kien Sillah Alhasana.

It-Tieni Diviżjoni

Birżebbuġa St Peter’s – Swieqi United AFC 7-1

Birżebbuġa temmew it-tieni fażi tal-kampjonat b’mod perfett meta rebħu s-seba’ partiti li lagħbu. In-numru sebgħa kien ukoll evidenti fil-logħba kontra Swieqi hekk kif rebħulhom 7-1.

Ronnie Celeste kien protagonista għal Birżebbuġa meta skorja erba’ gowls b’Karim Salman, Leon Rodriguez u Oussama Boutayeb li żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.

Federico Della Gatta skorja l-uniku gowl għal Swieqi.

Referee kien Alex Grech.

Naxxar Victorians – Attard Edex Kings 0-3

Attard Edex Kings kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra Naxxar Victorians sabiex temmew it-tieni fażi tat-tieni diviżjoni fit-tieni post daqs Swieqi United AFC.

Ikenna Okoro skorja doppjetta għal Attard b’Lucas Carvalho li wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.

Referee kien Jean Pierre Sammut.

Ħamrun Sporting – Gudja Wanderers 0-2

Gudja Wanderers kisbu t-tielet rebħa f’din it-tieni fażi tal-kampjonat wara skor pożittiv ta’ 2-0 kontra Ħamrun Sporting.

Wara li David Gregory Salinas Cassiani poġġihom fil-vantaġġ fid-29 minuta, kien Marco Bravo li żied ieħor fl-54 minuta.

Referee kien Ray Tabone.

Ta’ Ġiorni Wanderers – Mqabba Albions 3-1

Ta’ Ġiorni Wanderers dawru telfa f’rebħa hekk kif għelbu lil Mqabba Albions 3-1.

Kien Johan Cassar li poġġa lil Albions minn fuq sabiex fit-tieni taqsima, Johan Zapata, Sean Gatt Baldacchino u Luke Taliana dawru l-iskor għal Ta’ Ġiorni.

Referee kien Peter Abela.

Klassifika – MAFA L-Ewwel Diviżjoni

  1. Għaxaq Wolves – 28
  2. Senglea Gunners – 26
  3. Marsa St Michael – 23
  4. Valletta St Paul’s – 22
  5. Valletta Stars – 22
  6. San Ġiljan Saints – 14
  7. San Ġwann Pro Ev – 12
  8. Balluta Barracudas – 4

Klassifika – MAFA It-Tieni Diviżjoni

  1. Birżebbuġa SP AFC – 21
  2. Swieqi United AFC – 13
  3. Attard Edex Kings – 13
  4. Ħamrun Sporting – 12
  5. Gudja Wanderers – 11
  6. Mqabba Albions – 4 pts
  7. Ta’ Ġiorni Wanderers – 4
  8. Naxxar Victorians – 3

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport