Fi żmien għoxrin ġurnata l-poplu Malti se jkollu jieħu deċiżjoni. U bħala poplu li issa dara b’ċertu livell ta’ servizzi, ċertu livell ta’ żvilupp kif ukoll b’ċertu livell ta’ aspettazzjonijiet żgur li mhux ser jikkuntenta bix-xejn.
Huwa proprju dan illi rridu noqogħdu attenti minnu meta nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna.
Il-poplu Malti m’għadux il-poplu Malti ta’ qabel l-2013 li jaċċetta t-toroq bil-ħofor u jiċċajta dwarhom. Li jifraħ bi ftit miljuni ġejjin mill-UE u jieqaf hemm.
Il-karattru tal-Maltin tbiddel skont l-aspettazzjonijiet tagħhom. U min iħares ’il quddiem ma jħarisx lura. Min dara b’ċertu avvanzi ma jħossux komdu b’inqas ritmu u bl-iskossi.
Għandu jkun proprju dan il-qofol tad-deċiżjoni li għandna nieħdu nhar it-30 ta’ Mejju li ġej. Fuq dan il-ħsieb għandna nieħdu r-riskju ta’ possibiltà ta’ gvern ġdid jew niddeċiedu li nħallu l-istess gvern għax inkunu verament konvinti li l-istess gvern jista’ jmexxina iktar ’il quddiem.
Lil hemm mill-proposti elettorali taż-żewġ partiti hija l-garanzija tat-twettiq tagħhom li għandha tkun il-priorità f’moħħ il-votant mhux il-proposti nfushom.
Proposta li twiegħed inqas imma titwettaq fil-ħin hija ferm aqwa minn proposta ikbar imma li jew ma tistax titwettaq jew ma tistax titwettaq kollha. Min jagħmel il-proposta jgħodd ukoll.
Filwaqt li l-votant qed jevalwa l-ideat u forsi jiżen x’importanza jista’ jkollhom għalih fuq bażi personali jrid jitlob ukoll il-garanzija tat-twettiq tagħhom.
Huwa Alex Borġ li jista’ jiggarantixxi l-installazzjoni ta’ pompa tal-petrol fuq Herd’s Bank li qalgħet kritika minn kull angolu saħansitra minn kemm fil-fatt Hurd’s Bank tappartjeni għat-territorju Malti? Jew il-wegħda tal-Partit Laburista u Robert Abela li jagħmel interconnector bejn Malta u Għawdex?
Spiss jingħad li l-poplu jkollu l-gvern li jistħoqqlu. Bħala poplu Malti jistħoqqilna gvern li jwettaq, jirrealizza u jimplimenta jew gvern li jwiegħed bla ma jwettaq, jirrealizza u jimplimenta?
Min-naħa l-oħra liema miż-żewġ partiti jista’ joħloq il-flus biex jiffinanzja l-‘ħolm’ tan-nies? Għax jekk il-flus mhumiex diġà qegħdin hemm, allura hemm bżonn li l-gvern ikollu l-kapaċità li joħloqhom? Liema partit għandu l-aqwa kredenzjali biex jiggarantixxi l-iffinanzjar tal-proġetti?
U dan irid jistaqsih lilu nnifsu mhux biss min jivvota imma wkoll min qed jaħsibha għandux jivvota. Dawn tal-aħħar ser iħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalihom u sal-lum jidher li preżentement jistgħu jgħoddu sa 12% tal-popolazzjoni. Dawn qegħdin jirrifjutaw din il-garanzija.
Għalhekk, Maltin u Għawdxin kollha, ma nċekknux lilna nfusna. Jistħoqqilna l-aqwa gvern. Gvern li jista’ jagħtina garanzija li tgħodd fuq dak kollu li jwiegħed. Garanzija ta’ vera. Il-garanzija li jixraqilna. Rispett lejn tali partit li jista’ jkun fil-gvern huwa biss rispett lejna nfusna. Mill-banda l-oħra jekk ser inbaxxu l-aspettattivi tagħna nkunu wkoll qed inbaxxu lilna nfusna.
Lorna Borg Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ser tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq id-9sa’ u l-10ar distrett. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com


