Tuesday, May 12, 2026

Kwistjoni ta’ kredibilità

Tikteb Fleur Abela, kandidata Laburista

Aqra wkoll

Ma rridux nistrieħu fuq is-surveys, jagħtu kemm jagħtu vantaġġ lill-Partit Laburista. L-aqwa u l-aħħar survey huwa r-riżultat elettorali innifsu. Dak in-nhar biss, inkunu nafu li erbaħna jew tlifna. Kif jgħidu l-Ingliżi ma rridu nieħdu xejn b’“for granted”. Rebħa ma tiġix bl-għażż jew bil-kompjaċenza, iżda irridu nibqgħu naħdmu għaliha sal-ahhar mument, sal-aħħar siegħa. L-estensjoni ta’ sagħtejn tal-ftuħ ta’ postijiet ta’ votazzjoni kienu taw rebħa Nazzjonalista. Jiġifieri sagħtejn jagħmlu differenza aħseb u ara ġimgħat jew jiem.

Għalija l-għażla hija ċara. Bħal issa il-Partit Nazzjonalista qiegħed iġib ruħu bħal dak li tkun telqitu tfajla minħabba tant kemm kien ibaltilha, Issa jridha lura u sabiex titħajjar terġa’ taqa’ għalih, qiegħed iwegħda s-sema u l-art. Imma l-għarusa ma għandiex memorja ħażina u tiftakar kemm kienet trattata ħażin.

L-għarusa hija l-poplu Malti, li jiftakar lil Gonzi jgħajjat b’ħanġra daqshiex “Iva…b’qalbi kollha nivvota favur il-kontijiet tad-dawl”. Dak iż-żmien il-Partit Laburista beda mhux jappella iżda jissuplika lill-Partit Nazzjonalista sabiex ma jibgħatx kontijiet tad-dawl tant għoljin għax kienu ser ikissru lin-negozji u l-familja. Il-poplu Malti ma jistax jinsa dik l-għajta ta’ Gonzi u bħal ma l-anqas jistgħu jinsew li bil-Partit Laburista fil-Gvern, dak li kienu jgħidu li kien miraklu, seħħ: il-kontijiet tad-dawl u ilma, that amministrazzjoni Laburista ma għolewx u għadhom sal-lum l-irħas fl-Ewropa, meta la għandna iż-żejt tal-Ingliżi u l-anqas riservi naturali ta’ gass. Issa, f’daqqa waħda, biex mingħalih jidħak bl-għarusa,  Alex jiftaħar li jista’ jżomm il-kontijiet baxxi u bħal bajda iebsa proverbjali ta’ Kolombu, bil-kemm ma jridx jgħid li  dak li għamel il-Partit Laburista kien jagħmlu hu.

Għadhom ma tgħallmux u bl-aktar mod kattiv reġgħu ħarġu bl-għajta li jneħħu l-vapur tal-gass, Vapur li għen biex il-kontijiet tad-dawl jibqgħu irħas. Minn ma jiftakarx lil Anne Fenech tbeżża’, li dan il-vapur fih daqs erba’ grawnds tal-futbol u li mal-ewwel Grigalata kien ser jinqata’, jisplodi u joqtol in-nies kollha ta’ Marsxlokk u l-madwar. Kellna mhux Grigalata waħda, iżda bosta minnhom, b’uħud kollha qilla li  bħalhom qatt ma rajna u dan il-vapur hemm baqa’ qawwi u sħiħ.

Baqgħu l-istess, jaqtgħu qalb in-nies, ibeżżgħu bil-babaw. Saħansitra waslu biex jappellaw lill-ħaddiema biex ma jaċċettawx l-€1,000 bonus. La hemm minn fejn, ħalluhom ħa jieħdu. Ħallu li l-ġid li jinħoloq jilħaq il-qiegħ tas-Soċjetà.  Wara kollox dawn ma humiex żieda ta’ €500 żieda li kienu ser jagħtu lilhom infushom minn wara dahar kulħadd u talli ma jagħmlu xejn. Dan huwa rigal, fost il-ħafna li ta u li ser jagħti, lill-ħaddiema, il-Partit Laburista, bħala rikonoxximent ta’ kemm ħadmu biex jikber il-ġid nazzjonali.

Meta wieħed iħares lejn kollox, ma jistax ikun li ma jasalx ghall-konklużjoni, li l-Partit Laburista huwa Partit l-kredibbli,  mentri dak Nazzjonalista ma hux kif jixhed ghemilu kull meta kien fil-Gvern. Li tgħid mod ieħor tkun qed tinsolenta l-intelliġenza tan-nies u l-verità imqaddsa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport