Dħalna fit-tielet ġimgħa ta’ din il-kampanja elettorali. S’issa tressqu numru ta’ proposti mill-partiti politiċi. Proposti f’diversi setturi. U għalhekk ikun tajjeb li nirriflettu ftit fuq punt li fil-fehma tagħna kruċjali għal din l-elezzjoni ġenerali. Qed nirreferu għal dak il-fattur li huwa l-aktar importanti meta xi ħadd iwiegħdek xi ħaġa. L-ewwel nett, kemm tafda lil dak li jkun qed iwiegħed u t-tieni, kemm dak li qed jiġi mwiegħed ikun possibbli li jitwettaq.
Jekk inħarsu ftit lejn il-wegħdiet li ġew imressqa mill-partiti ewlenin, naraw li fuq naħa għandek Gvern Laburista li qiegħed jagħti garanzija li se jkompli jibni fuq is-suċċessi ta’ dak kollu li ġie miksub fis-snin li għaddew, b’enfasi qawwija fuq l-aspett soċjali u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, għandek Partit Nazzjonalista li għalkemm qiegħed iressaq proposti, qiegħed jonqos milli jagħti informazzjoni biżżejjed dwar kemm dawn realistikament se jkunu qed jitwettqu.
Dan iwassal għall-punt li tkellimna dwaru aktar qabel, kemm il-wegħdiet huma kredibbli. Wegħda tkun kredibbli meta tkun maħsuba u ppjanata. Biex dan isir, wieħed irid jara kemm se tiswieh u l-effett li se jkollha. U dan ħareġ fid-deher anke f’dawn l-aħħar jiem tal-kampanja elettorali. Gvern Laburista li qiegħed jippreżenta proposti bi pjan, jafu kemm se jiġu jiswew, u li jiflaħ għalihom il-pajjiż. Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-Partit Nazzjonalista, li f’xi wħud mill-proposti tagħhom ħarġu b’kalkoli żbaljati.
Għalhekk aktar ma nersqu lejn it-30 ta’ Mejju, id-differenza bejn il-partiti qiegħda tkompli toħroġ b’mod ċar. Dwar il-proposti li qed jitressqu, kollox jorbot fuq il-kredibilità. Il-kredibilità li tgħaqqad ukoll mal-kompetenza, fejn jiġu implimentati miżuri li fl-aħħar mill-aħħar ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-finanzi tal-pajjiż. Fuq kollox il-kredibilità li dak li qed jiġi mwiegħed, jitwettaq. Il-poplu se jkun qiegħed jixtarr min hu kompetenti u kredibbli biex jimplimenta l-programm elettorali tiegħu u dan fl-isfond tad-direzzjoni li jrid jieħu lil pajjiżna fis-snin li ġejjin, anke permezz tal-Viżjoni Malta 2050.


