Friday, November 29, 2024

“Attakkawni tlieta u tawni bil-ponn sakemm tefgħuni fl-art … rawni barrani u lanqas taw kasi”

Thomas Bajada jgħid li mas-sejħa tal-PM ippakkja kollox biex l-istorja tan-nies jagħmilha tiegħu

Aqra wkoll

“Dan huwa li nista’ nwegħedkom jien. Li l-istorja tagħkom, hija tiegħi. Li se naħdem mill-qalb għalina lkoll. Għaliex aħna, tal-Partit Laburista, qatt ma nistħu li aħna Maltin u Għawdxin. Jien Għawdxi, Jiena Malti, Jien Kburi b’Pajjiżi. Jien Inħobb lill-Pajjiżi”. Iddikjara dan il-Kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Thomas Bajada hekk kif kien qiegħed jindirizza lill-folla li nġabret għall-attività politika tal-partit fil-lokalità tas-Siġġiewi.

Bajada rrefera għal snin ta’ esperjenza fi Brussell, iżda qal li ma setax jinjora għas-sejħa tal-Prim Ministru Robert Abela biex ikun parti minn dawn l-elezzjonijiet importanti ta’ Ġunju li ġej. Żied jgħid li bħala żagħżugħ seta’ jagħżel li jirraġuna li bħala xogħol huwa mħabbat u seta’ jibqa’ hemm ’il bogħod minn dan kollu.

“Stajt inħalli kollox għal riħu u nirraġuna li jitla min jitla xorta. Xogħol għandi, x’jimpjurtani.

Qiegħed komdu għax ħadd ma jaf min jien, x’jimpurtani. Mhux xorta li jridu ħa jagħmlu, nivvota jew le. Però, minflok, jien iddecidejt li naċċetta li nxammar il-kmiem, għaliex ma rridx lil ħaddieħor jiddeċiedi għalija, lil ħaddieħor jiddeċiedi għalina, lil ħaddieħor jinjora liż-żgħir u lill-batut, lil ħaddieħor jinjora liż-żgħażagħ jew lill-Għawdxin”, saħaq b’ton imqanqal iż-żagħżugħ Għawdxi.

Il-kandidat Laburista kompla biex ifakkar li minkejja li għad hawn min deċiż li jibqa’ passiv, minkejja li għad hawn min li għadu qed jirraġuna li bih u mingħajru l-elezzjonijiet se jsiru u r-rappreżentanti rispettivi se jiġu eletti, hemm bżonn li kulħadd ikun hu li jagħżel lil min jirrappreżentah. Quddiem dan kollu fakkar fil-ħidma sfieqa tal-gvern Laburista biex iwieżen lill-batut fost l-oħrajn il-koppji żgħażagħ b’inċentivi biex jixtru l-ewwel dar u l-pensjonanti b’żieda kontinwa fil-pensjonijiet.

Ma naqasx milli jisħaq dwar l-importanza li nieħdu ħsieb bis-serjetà lil dawk li qegħdin ibatu fis-solitudni u qasam mal-folla preżenti esperjenza qarsa li sabha verament diffiċli biex ikompli ħidmietu fi Brussell.

“Kienet ġurnata normali ta’ ħidma fi Brussell u attakkawni tlieta, ġew minn warajja, tlett irġiel jagħtuni bil-ponn sakemm spiċċajt fl-art. Ippruvaw jisirquni, pruvaw joħduli l-kartiera u din il-katina, ara, din. Ħallewni bla nifs. Komplew jixxutjawni fl-art u jagħjruni, sakemm

xebgħu u telqu. Taħseb li ġie xi proxxmu jgħini? Mort l-għassa ġo Brussell, rawni

barrani, u lanqas taw kasi – aħseb u ara kemm għenuni. Wara tibda titlef il-fiduċja fl-umanità, tibda tħoss is-solitudni li bħal donnha tifgak jew tiklok minn ġewwa. Batejt ħafna biex ħriġt minnha. Timxi fit-triq, għadni sal-lum stess, inħossni naqta’ nifsi malli nħoss xi ħadd warajja”, spjega jgħid Bajada.

Huwa temm jappella biex bħalma hu qabad u ppakkja kollox mas-sejħa tal-Prim Ministru Robert Abela, hekk ukoll il-poplu Malti u Għawdxi jkun parteċipi fl-elezzjonijiet li ġejjin biex pajjiżna jkollu verament rappreżentanti li jaħdmu fl-aħjar interess tan-nies tiegħu.

Sport