Thursday, May 2, 2024

Grech jallega li l-PL se jerġa’ juża ċ-ċekk tar-rifużjoni biex jirbaħ il-voti

Jikkonferma li d-diskussjonijiet dwar l-għażla tal-President bdew

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista ma’ ġurnalist tal-PBS ammetta li l-Partit Nazzjonalista għandu nuqqasijiet u li għad fadallu ħafna xogħol x’jagħmel inkluża l-mira li jżid in-numru tal-kandidati tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Min-naħa l-oħra Grech allega li issa li qed joqorbu l-elezzjonijiet il-gvern x’aktarx se jkun qiegħed juża ċ-ċekkijiet biex jerbaħ il-voti.

Iffaċċjat bil-fatt li għal dawn l-elezzjonijiet hemm ħafna aktar kandidati Laburisti milli Nazzjonalisti, Grech reġa’ dar bl-attakki u l-allegazzjonijiet “ta’ inkwiet u reżenji” fost kunsilliera Laburisti u ħa l-okkażjoni biex jistieden jingħaqdu magħhom aktar kandidati prospettivi.

Fost it-temi diskussa f’din l-intervista Grech ippropona li l-għażla tal-President li jmiss għandha tkun aktar wiesgħa u dan billi ż-żewġ partit ma jħarsux biss lejn kandidati fil-politika. Filwaqt li kkonferma li d-diskussjonijiet għall-għażla tal-President bdew, il-Kap tal-PN insista li l-għażla tal-Presidenza ta’ Malta m’għandhiex tkun monopolju tal-politiċi u l-persuna għandha tkun ta’ karattru li mhux inħarsu biss lejn dak li huwa jew hija fil-preżent imma anke fil-passat u dan biex ikollna “president li jixraq lill-poplu Malti”.

Fid-dawl anke tal-fatt li wasalna f’nofs ċiklu elettorali, barra dwar in-nuqqas ta’ kandidati Nazzjonalisti għal dawk tal-Kunsilli Lokali, Grech intalab dettalji dwar il-pjan li għandu l-PN biex jipprova jerbaħ dik ġenerali. Hawn il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bħala partit irid ikompli jagħmel aħjar iżda dan l-aħjar irid jasal għand in-nies. “Imma dan ma  jistax jasal jekk ikollok il-midja maħtufa mill-istat għax jibżgħu li l-messaġġ tagħna jasal għand in-nies,” allega Grech. Hawn ma setax jonqos li jattakka fost l-oħrajn lill-PBS, l-istazzjon li l-istess ġurnalist quddiemu kien ġej minnu. 

L-attitudni ta’ Grech kompliet tkun insistenti hekk kif saħaq li l-PN għandu viżjoni ta’ mudell u pjan ekonomiku aħjar minn dak preżenti, li huwa viċin il-bdiewa, l-għalliema, l-infermiera u l-poplu b’mod ġenerali. 

Suġġett delikat li rrisponda għalih kien dak tan-newtralità ta’ pajjiżna. Fir-rigward Grech sostna li n-newtralità hija kunċett fil-Kostituzzjoni tagħna fejn spjega li Malta qabel dejjem qagħdet ‘il bogħod milli tersaq viċin naħa jew oħra, “imma, maż-żmien l-affarijiet inbidlu u saħansitra dħalna fl-Unjoni Ewropea. Illum in-newtralità, Malta tibqa’ newtrali imma newtrali ma jfissirx li nibqgħu ċassi. Sentejn ilu faqqgħet il-Gwerra fl-Ukrajna u l-Prim Ministru Robert Abela l-ewwel m’għamel xejn imma mbagħad ħa pożizzjoni favur l-Ukrajna”. Dwar dan, għal darb’oħra ammetta li l-Gvern għamel pass tajjeb fejn minn kliemu stess, “għamel tajjeb li ħa din il-pożizzjoni għax kienet l-għażla t-tajba”.

Sport