Monday, May 6, 2024

Attivista ta’ Occupy Justice titlef kawża ta’ libell kontra l-eks Ministru Chris Cardona

Aqra wkoll

Rachel Antoinette Williams, attivista ta’ Occupy Justice, tilfet kawża ta’ libell li fetħet kontra l-eks Ministru Chris Cardona wara li dan allega fuq Twitter li hija kienet tkeċċiet mill-impjieg.

Williams kienet ħassitha inġurjata b’rabta ma’ kumment li tefa’ Cardona fuq Twitter nhar id-9 ta’ Lulju 2020 li kien jgħid: “Didn’t you get a life after being fired from BOV?”.

Williams spjegat fix-xhieda tagħha li Cardona għamel dan il-kumment wara li kienet staqsietu xi mistoqsijiet fuq il-paġna tiegħu fuq Twitter, dwar xi allegazzjonijiet li kienu qed jiċċirkolaw u l-ambjent fil-pajjiż dak iż-żmien, u tqanqal battibekk bejniethom.

Iddikjarat li wara t-tweet ta’ Cardona, hi bdiet tiġi sfidata minn terzi persuni fuq Facebook fejn qalulha li għandhom il-provi li juru li kienet ġiet imkeċċija mill-impjieg tagħha mal-BOV fejn kienet taħdem bħala business relationship manager. 

Hi ċaħdet li ġiet imkeċċija mill-impjieg u sejħet din l-allegazzjoni bħala gidba għaliex kienet irriżenjat minn dan l-impjieg minn jeddha f’Diċembru tal-2016.

Iżda l-Maġistrat Rachel Montebello, fis-sentenza tagħha, osservat li kuntrarjament għal dak li xehdet Williams, ma jirriżultax li d-diffikultajiet li kellha biex issib impjieg fiss setgħu kienu b’xi mod attribwibbli lill-istqarrija inkwistjoni.

“Dan qed jingħad għaliex filwaqt li Williams telqet mill-impjieg tagħha ma’ BOV f’Diċembru 2016, it-tweet ta’ Cardona ġie ppubblikat kważi tliet snin u nofs wara,” qalet il-Maġistrat Montebello. Barra minn hekk, il-kumment kellu jitqies fil-kuntest li fih intqal.

Saħqet ukoll li d-dikjarazzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix attakk fuq il-karattru ta’ Williams jew ta’ xi kondotta jew aspett tal-karattru morali tagħha li twassal imputazzjoni ta’ diżonestà, ipokrezija, żlealtà jew ksur ta’ etika.

“Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jirriaffermaw il-fehma tal-Qorti li l-istqarrija tal-konvenut li timplika mingħajr wisq dubju li l-attriċi ġiet imkeċċija mill-impjieg tagħha mal-BOV, ma setgħetx ikkaġunat ħsara serja lir-reputazzjoni tagħha,” tenniet il-Maġistrat Montebello. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ Cardona fir-risposta tiegħu, ċaħdet it-talbiet ta’ Williams bl-ispejjeż għandhom jitħallsu minnha.

Sport