Attivista politika ġewwa t-Tajlandja ngħatat sentenza ta’ sentejn ħabs wara li l-qorti sabitha ħatja li insulentat lir-Reġina tal-Tajlandja Suthida Bajarasudha Bimollaksana għax libset bħalha.
Il-każ inkwistjoni seħħ meta Jatupron Saeoueng, li għandha 25 sena, kienet libset libsa roża waqt dimostrazzjoni politika ġewwa Bangkok fl-2020. Hija ċaħdet kull allegazzjoni li pprovat twaqqa’ għaċ-ċajt lir-reġina, u argumentat li hija libset libsa tradizzjonali tal-pajjiż.
Ta’ min jgħid li t-Tajlandja għandha liġijiet stretti ħafna li jipprojbixxu kull kritika lejn ir-re u membri rjali oħrajn. Minn meta r-Re Maha Vajiralongkorn ħa t-tron lura fl-2019, għadd ta’ gruppi li jitkellmu favur id-drittijiet umani qalu li l-awtoritajiet tal-pajjiż ħadu azzjonijiet b’saħħithom kontra dimostranti li kienu qed jitolbu għal riformi fil-monarkija. Minn Novembru tal-2020 ’il hawn, minn tal-inqas 210 persuni ġew akkużati b’offiżi kontra l-monarkija. Kienu bosta dawk il-gruppi tad-drittijiet umani li kkritikaw il-verdett li ngħata fil-konfront ta’ Jatupron. Oriġinarjament hija kienet ingħatat sentenza ta’ tliet snin ħabs, li mbagħad ġiet imnaqqsa għal sentejn.
Il-każ ta’ Jatupron kien seħħ waqt protesta fl-2020 meta hija kienet fost numru ta’ persuni prominenti li pparteċipaw fid-dimostrazzjoni dwar il-monarkija. Dakinhar hija kienet libset libsa tal-ħarir roża u mxiet fuq tapit aħmar akkumpanjata minn raġel li kien qiegħed iżommilha umbrella fuq rasha.