Għas-sittax-il sena konsekuttiva l-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Pubbliċi b’kollaborazzjoni ma’ Radju Leħen il-Karmelitani 101.4 FM fi ħdan l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq, ser ittella’ l-kampanja ‘Minn Qalb iż-Żrieraq’, b’risq l-Istitut Dar Santa Tereża li jinsab fiz-Żurrieq.
Bejn is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ Diċembru, nistednukom tingħaqdu magħna ġewwa Misraħ ir-Repubblika fiż-Żurrieq, fejn apparti li tkunu tistgħu tagħtu d-donazzjonijiet tagħkom, tkunu tistgħu tgawdu minn diversi attivitajiet.
Iktar dettalji ssibuhom fuq il-poster f’din l-attività.
• Bejgħ ta’ pjanti u ponsjetti
• Bejgħ ta’ ikel u ħelu tradizzjonali tal-Milied
• Kids Area
• Lotterija
• Bazaar
Matul din il-kampanja ser jagħtu s-sehem tagħhom ukoll diversi kantanti u żeffiena.
Is-Sibt filgħodu nagħtu bidu għall-ftuħ uffiċjali. Wara, għall-ħdax, ser ikun hemm ukoll sessjoni ta’ teħid ta’ ritratti ma’ Father Christmas, u wara nofsinhar ser ikun hemm diversi logħob għat-tfal. Is-Sibt filgħaxija, Kunċert mill-Queen Victoria Ensemble ġewwa Sala Madonna tal-Karmnu, Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria Żurrieq.
Il-Ħadd filgħodu fil-pjazza ser ikun hemm il-Blood Donation Unit. Ser ikun hemm ukoll stands b’diversi affarijiet għall-bejgħ.
Il-Banda Queen Victoria A.D. 1865 tagħmel il-marc tal-Milied u tiġi ppreżentata s-somma miġbura lis-sorijiet li jinsabu fl-Istitut Dar Santa Tereża. Wara, ir-rigali li jkunu nġabru, jitqassmu minn Father Christmas lit-tfal rispettivi.