Saturday, June 7, 2025

Attività li żżid l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali fost l-istudenti

Aqra wkoll

Fl-iskola primarja ta’ Marsaskala ġiet organizzata attività sabiex jitqajjem iżjed għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali fost l-istudenti. Għal din l-attività kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Akwakultura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, li faħħret lill-iskola għal din l-inizjattiva, hekk kif minn età żgħira l-istudenti qed jitgħallmu dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali. 

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said tkellmet mat-tfal preżenti u enfasizzat fuq l-importanza li l-annimali jiġu ttrattati b’imħabba u rispett, kif ukoll li meta jkun hemm ix-xewqa li jġibu pet id-dar, jikkunsidraw l-adozzjoni tal-annimali. Is-segretarju parlamentari spjegat ukoll il-ħidma li ssir mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali u anke spjegat wieħed x’għandu jagħmel meta jinzerta annimal imweġġa’ jew mitluf.

“Il-bidla tibda minn età żgħira. Meta ngħallmu lit-tfal iħobbu u jieħdu ħsieb lill-annimali, qegħdin nibnu soċjetà aktar rispettabbli,” qalet is-segretarju parlamentari.

Għal din l-attività kien hemm preżenti wkoll il-Viċi Sindku ta’ Marsaskala, Janice Falzon, li faħħret l-ambjent ta’ din l-iskola hekk kif innotat li hemm żona ddedikata sabiex l-istudenti jistgħu jqattgħu ħin mal-annimali. “Din iż-żona mhux biss toffri spazju fejn it-tfal jilagħbu, imma tgħinhom jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tal-annimali,” sostniet il-viċi sindku.

Waqt l-attività, it-tfal ingħataw ukoll kotba edukattivi dwar il-ħarsien tal-annimali pprovduti mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport