Friday, December 13, 2024

Attivitajiet innovattivi għall-anzjani li jgħixu fil-komunità

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li se jiġu organizzati għadd ta’ attivitajiet innovattivi immirati lejn l-anzjani li jgħixu fil-komunità. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Farrugia spjega li dawn l-attivitajiet se jkunu adattati kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Minn stħarriġ fost iktar minn 480 raġel li għandhom 60 sena, inġabret informazzjoni dwar il-preferenzi għall-parteċipazzjoni soċjali mill-irġiel. Ir-riżultat intuża biex jitfassal dan il-programm ta’ attivitajiet li jinkludu żjara fil-Mużew Malti tal-Avjazzjoni, taħdita dwar l-istorja tal-belt kapitali, żjara fit-Torri l-Aħmar u taħdita dwar il-proċess ta’ kif isir l-inbid fost l-oħrajn. 

Dan hu proġett pilota li se jkun miftuħ għall-anzjani li joqogħdu fir-reġjun ċentrali u fir-reġjun tat-Tramuntana. Il-pjan hu li jekk dan il-programm ikun suċċess, ikun mifrux għal iktar reġjuni. Id-dipartiment se jiffaċilita l-aċċessibbiltà billi jipprovdi trasport lil min ikollu bżonn. 

L-attivitajiet huma immirati lejn l-anzjani li jixtiequ jiltaqgħu ma’ anzjani oħra, isiru jafu iżjed fuq suġġetti varji inkluża l-istorja ta’ Malta u jżuru postijiet ta’ interess. Il-programm se jkun imqassam f’attività darba kull ħmistax li talterna bejn taħdita li se ssir fil-Valletta Design Cluster u ħarġa kulturali. 

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jara l-programm mis-sit activeageing.gov.mt jew iċempel fuq 21650940. L-applikazzjonijiet jagħlqu ġimgħa qabel kull attività. Min irid jipparteċipa f’dan il-programm jeħtieġ li jirreġistra għal kull attività. 

Bħalissa għaddejjin ukoll numru ta’ korsijiet u programmi mingħajr ħlas f’numru ta’ ċentri għall-anzjanità attiva. Wieħed minnhom huwa Sports Adultz. Dan il-programm jinkludi numru ta’ sessjonijiet ta’ sports, bħal walking football u seated tennis, li jkunu adattati għall-anzjani. Barra minn hekk, il-programm Nibqgħu Attivi jinkludi sessjonijiet informattivi u eżerċizzji għall-anzjani mmexxija minn fiżjoterapisti u minn professjonisti oħra. Bħalissa għaddej ukoll kors immirat lejn l-anzjani li jixtiequ jitgħallmu dwar kif jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġija filwaqt li jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom. 

Ekonomija

Sport