Saturday, December 21, 2024

Attivitajiet ta’ Jum il-Ħelsien

Aqra wkoll

Jum il-Ħelsien ifakkar il-ġurnata li Malta kisbet il-ħelsien u saret uffiċjalment stat sovran. Fil-31 ta’ Marzu 1979, telqu l-aħħar bastimenti Ingliżi minn pajjiżna u Malta ma baqgħetx tintuża bħala bażi militari Ingliża. Fl-okkażjoni tal-45 sena anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, qed torganizza programm ta’ attivitajiet sabiex jiġi mfakkar dan il-jum.

F’Jum il-Ħelsien, nhar il-Ħadd, 31 ta’ Marzu 2024, fit-8:15 ta’ filgħodu, jibda marċ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta minn Pjazza Pawlino Vassallo f’Bormla u jgħaddi minn Triq Dom Mintoff għal Triq San Lawrenz il-Birgu, sal-Monument tal-Ħelsien.

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-Gwardja tal-Unur se jilqgħu lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l- Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Iċ-ċerimonja fuq l-għolja tal-Ħelsien tilħaq il-qofol tagħha fid-8.45 ta’ filgħodu fejn mal-wasla tal-President jingħata s-salut nazzjonali. Wara, l-ogħla awtoritajiet flimkien jitilgħu l-għolja tal-Ħelsien fejn il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta tesegwixxi l-Innu tal-Ħelsien.

Wara tindaqq il-fanfarra u jitpoġġew il-fjuri fuq l-istess monument. Iċ-ċerimonja tiġi fi tmiemha bid-daqq tal-innu nazzjonali.

Il-programm tal-31 ta’ Marzu f’Bormla u l-Birgu ser isiru aktar kmieni mis-snin preċedenti sabiex ma jtellef xejn mill-attivitajiet marbuta mal-Għid il-Kbir li jiġu ċċelebrati fil-Kottonera.

Nhar it-Tnejn 1 ta’ April 2024, fl-10:30 ta’ filgħodu ser issir parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. F’din il-wirja, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta mmexxija mill-Kaptan Jonathan Borg tesegwixxi numru ta’ kompożizzjonijiet lokali flimkien ma’ numru ta’ marċi li matulhom isiru diversi formazzjonijiet mill-istess membri tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Lejn l-aħħar tal-Parata l-Banda tesegwixxi “Lil Malta f’Jum il-Ħelsien” ta’ Mikis Theodorakis.

Ekonomija

Sport