Friday, December 27, 2024

Australian Open: Magħrufa l-ewwel kwarti-finalisti

Aqra wkoll

Daniil Medvedev reġa’ wera għa­liex huwa l-player li wie­ħed irid jegħleb meta l-bieraħ intlagħbu l-aħħar logħbiet mill-Aħħar 16 tal-Australian Open f’Melbourne Park meta rebaħ konfront missielet kontra l-Amerikan, Ma­­-xi­me Cressy, 6-2 7-6 (7-4) 6-7 (4-7) 7-5 biex għadda għall-kwarti-finali fis- sħana tremenda ta’ Melbourne.

Medvedev kien frustrat bir-re­żistenza ta’ Cressy, 24 sena, u kellu bżonn id-disa’ break point biex fl-aħħar jieħu l-kontroll tar-raba’ set u l-logħba.

“Lgħabt partiti aktar diffiċli iżda din kienet twila. Ma kinitx faċli,” huwa qal.

“Ir-raba’ set kien tal-ġenn. Kull darba li kelli break point kien ikollu t-tieni service li jolqot il-linja. Ma stajtx nirritornahom.”

Medvedev, li rebaħ l-ewwel titlu tiegħu tal-Grand Slam, il-US Open f’Settembru li għadda, huwa l-ogħla seed fis-singles tal-irġiel minħabba n-nuqqas ta’ Novak Djokovic.

Is-Serb, li huwa n-numru wieħed tad-dinja ma tħalliex jilgħab f’Melbourne Park wara li ġie deportat mill-Awstralja minħabba li ma kienx imlaqqam għall-Covid-19. 

Il-player ta’ 25 sena issa se jiltaqa’ mad-disa’ seed, il-Kanadiż, Felix Auger-Aliassime, li fil-logħba tiegħu elimina lis-seed 27, Marin Cilic, tal-Kroazja.

Auger-Aliassime, li elimina lill- Brittaniku Dan Evans fir-round pre­ċedenti, rebaħ 2-6 7-6 (9-7) 6-2 7-6 (7-4) fi tliet sigħat u 35 minuta.

Is-seed numru 4, Stefanos Tsitsipas, kien involut  f’logħba ta’ kwalitá meta għeleb lill-Amerikan Taylor Fritz, 4-6 6-4 4-6 6-3 6-4, bil-logħba ntemmet ftit wara nofs il-lejl.

Għall-player Grieg il-kwarti-finali se tkun it-tielet waħda f’dan l-Open wara l-2019 u l-2021 u s-sena l-oħra kien anke finalista fil-French Open meta qed jipprova jirbaħ l-ewwel titlu tal-Grand Slam tie­għu.

Wara l-logħba Tsitsipas qal: “Logħba epika. Dak li nista’ ngħid. Illum tajt kollox f’dan il-court. Ninsab kburi bija nnifsi. Ninsab maħkum bl-istadium ikun fuq in-nar, hija tajba ħafna biex tkun veru.”

Fl-aħħar tmienja huwa se jiltaqa’ kontra t-Taljan seed numru 11, Jannik Sinner, li għalih se tkun l-ew­wel darba li għadda għall-kwarti-finali f’Melbourne. Sinner rebaħ liż-żagħżugħ Awstraljan seed numru 32, Alex de Minaur bl-punteġġ ta’ 7-6 (7-3) 6-3 6-4 fir-Rod Laver Arena.

SIMONA U SABALENKA

JIĠU ELIMINATI

Ir-rebbieħa darbtejn tal-Grand Slam u seed numru 14, Simona Halep, sfat eliminata meta tilfet fi tliet sets kontra Alize Cornet, 6-4 3-6 6-4 u b’hekk il-Franċiża waslet sal-ewwel kwarti-finali tagħha ta’ tournament maġġur.

Ir-Rumena Halep, finalista fl-2018, kienet rebħet it-tmien logħ­biet preċedenti tagħha fl-2022.

In-numru 61 tad-dinja, Cornet, issa se tiffaċċja lill-Amerikana seed 27, Danielle Collins, għal post fis-semi-finali wara li din għelbet lis-seed numru 19, il-Belġjana, Elise Mertens, 4-6 6-4 6-4.

“Li mmur għall-ewwel kwarti-finali tiegħi hija biss ħolma li saret realtà, ma nafx x’ngħid, hija biss maġija,” qalet Cornet, 32 sena.

“Naħseb li bqajt naħseb, wara 30 minuta nilgħab moħħi kien diġà mgħobbi żżejjed, il-viżjoni tiegħi ma kinitx aktar ċara u idejja kienu qed jitħawdu iżda fuq in-naħa l-oħra fil-court Simona ma kinitx qed tħossha wisq aħjar minni.

“Huwa għalhekk li nibqa’ nil­għab it-tennis, huwa għal dan il- mument meta nista’ naqsam magħ­kom dawn l-emozzjonijiet kollha fil-court. Il-vjaġġ ikompli u ma nis­tax nemmen.”

Collins hija t-tielet player Ameri­kana li tinsab fl-aħħar tmienja flimkien ma’ Jessica Pegula u Madi­son Keys.

Il-Pollakka Iga Swiatek ħadet tliet sets ukoll biex warrbet l-isfida tar-Rumena, Sorana Cirstea, 5-7 6-3 6-3 meta wara li tilfet l-ewwel set, rebħet it-tnejn l-oħra bil-kumdita’.

“Għalija, ġimgħa mingħajr ma nibki mhijiex ġimgħa. Nibki meta nitlef u nibki meta nirbaħ,” qalet Swiatek wara l-logħba.

Is-seed numru 2, Aryna Sabalenka tal-Belarus, kompliet għaddejja wara rebħa fi tliet sets ukoll kontra Kaia Kanepi tal-Estonja bil-pun­teġġ ta’ 5-7 6-2 7-6 (10-7).

B’hekk mill-ewwel 10 players issidjati fil-kategorija femminili fl-aħħar tmienja fadal n-numru wie­ħed, l-Awstraljana Ashley Barty u n-numru 4, iċ-Ċeka Barbora Krej­cikova.

Illum jintlagħbu żewġ kwarti-finali tal-irġiel u tnejn tan-nisa b’dan il-programm: Barbora Krejcikova v Madison Keys; Denis Shapovalov v Rafael Nadal; Ashleigh Barty v Jessica Pegula; Gael Monfils v Matteo Berrettini.

NOVAK DJOKOVIC – Id-ditta tal- arloġġi, Hublot, li tisponsorja lil Novak Djkovic, temmen li tieħu l-vaċċin hija għażla personali, qal il-grupp ta’ lussu Svizzeru fl-ewwel kummenti mindu n-numru wieħed tad-dinja ġie mibgħut lura mill-Awstralja wara kwistjoni tal-viża.

Il-player Serb li mhuwiex imlaqqam kontra l-Covid-19, ġie deportat mill-Awstralja lejlet il-bidu tal-Australian Open wara li tilef it-tieni appell biex jibqa’ fil-pajjiż.

Il-kap eżekuttiv tad-ditta, Ricardo Guadalupe, qal li huma qed jistennew li jisimgħu minn Djoko­vic fuq l-esperjenza li għadda min­n­ha.

Huwa qal li l-vaċċin huwa xi ħaġa privata u huma jistmaw il-li­bertá personali, favur jew kontra meta din hija l-pożizzjoni tagħhom.

Sponsor ieħor ewlieni ta’ Djo­kovic hija d-ditta Franċiża, Lacoste, li qalet li se jikkuntattjawh biex jirrevedu l-avvenimenti fl-Awstralja, kif ukoll dik tal-karozzi Peugeot li ma riedux jikkummentaw fuq l-inċident.

Ekonomija

Sport