Saturday, May 4, 2024

Jitħawlu 22,162 siġra fl-2021 b’investiment ta’ €4.4 miljun

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €4.4 miljun u b’medja ta’ 60 siġra kuljum, l-aġenzija Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ħawlet total ta’ 22,162 siġra fl-2021. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien Joseph Farrugia, Ħad-Dingli.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Ħawwilna siġar u arbuxell fi 68 zona f’35 lokalità differenti. Huwa b’dan il-mod li se nkomplu nwasslu aktar riżultati bil-għan li nkomplu naslu għall-viżjoni ambjentali ta’ gvern favur infrastruttura ħadranija u sostenibbiltà madwar pajjiżna kollu. L-inizjattiva ta’ afforestazzjoni fuq livell nazzjonali li konna nedejna fis-sajf tal-2019 issa żiedet aktar minn 42,000 siġra u 38,000 arbuxelli f’postijiet urbani u rurali differenti. Rajna li anke nestendu din l-inizjattiva għal Għawdex, bit-tħawwil ta’ siġar u ta’ arbuxelli fix-Xewkija. Nistgħu nsemmu wkoll is-siġar u l-pjanti li ħawwilna fi proġetti kapitali biex insebbħu l-estetika tagħhom, fosthom il-Marsa Junction, Central Link, Għeriexem u l-mini ta’ Santa Luċija. Numri u riżultati bħal dawn ikomplu jixhdu li dan il-gvern żamm u qed iżomm kelmtu meta jisħaqq li rridu nibdlu wiċċ pajjiżna. Qegħdin ninkorporaw dan il-kunċett ta’ tħawwil ta’ siġar u ta’ pjanti fil-maġġoranza tal-proġetti infrastrutturali li qed inwettqu sabiex tassew nagħtu pajjiż sostenibbli lill-ġenerazzjonijiet futuri”.

Fl-2020, l-aġenzija Infrastructure Malta ssostitwixxiet ’il fuq minn 1,000 siġra li ġew misruqa jew li ġew vandalizzati. Dan in-numru naqas drastikament is-sena li għaddiet wara l-introduzzjoni ta’ diversi miżuri ta’ sigurtà, fosthom kameras tas-sigurtà.

Matul l-ewwel nofs tas-sena, Infrastructure Malta ħadmet ma’ Caritas Malta biex tifforma ‘Bosk it-Tama’ (Grove of Hope), spazju ġdid ta’ riflessjoni fi ħdan il-grawnds tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, fejn ħawlet 352 siġra u arbuxelli indiġeni u installat sistema ġdida ta’ tisqija.

L-aġenzija ħadmet ukoll mal-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz ta’ xogħlijiet li riċentament saru fir-roof garden fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, b’730 siġra, arbuxelli u pjanti oħra.

Xi postijiet oħra fejn tħawlu siġar u arbuxelli jinkludu wkoll grawnds tal-iskejjel, żoni madwar l-Università ta’ Malta u l-ITS, spazji miftuħa mmexxija mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, gruppi lokali tal-iscouts, klabbs sportivi u NGOs.

Sport