
L-attakkant internazzjonali Maltija, Haley Bugeja, ġiet utilizzata bħala sositut minn Inter fit-telfa ta’ 3-1 kontra Real Madrid valida mill-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League tan-Nisa li ntlagħbet fl-Alfredo Di Stéfano Stadium.
Bugeja daħlet tilgħab fil-bidu tat-tieni taqsima minflok Michela Cambiaghi. Sa dak il-ħin l-iskor kien fi draw ta’ 1-1 iżda Inter kellhom lil Karolina Vilhjalmsdottir (42) imkeċċija wara li ntweriet karta ħamra diretta.
It-team Spanjol fetaħ l-iskor fit-28 minuta permezz ta’ Lineth Beerensteyn. Iżda mbagħad it-Taljani spiċċaw jilagħbu bi player inqas wara li Vilhjalmsdottir ntbagħtet fid-dressing room wara daħla perikoluża fuq player avversarja.
Madankollu fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, in-Nerazzurri rnexxielhom jiksbu draw permezz ta’ Elisa Bartoli, li approfittat minn azzjoni mibdija minn Brittany Raphino.
Fit-tieni taqsima, Real Madrid komplew jagħmlu pressjoni biex isibu l-goal tar-rebħa, iżda Inter iddefendew b’determinazzjoni u ppruvaw jheddu bil-kontrattakki.
Peró, il-Madrileni kisbu l-goal tant mixtieq fil-85 minuta permezz tas-sostituta Signe Bruun. L-istess player issiġillat ir-rebħa bit-tieni goal personali tagħha fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud permezz ta’ penalty.
B’dan is-suċċess, Real Madrid kisbu tliet punti importanti fit-taqtigħa għall-kwalifikazzjoni għall-fażi eliminatorja, filwaqt li Inter ħarġu diżappuntati minkejja l-impenn tagħhom wara li spiċċaw bi player inqas.



