Sunday, December 22, 2024

Australian Open: Medvedev u Tsitsipas jgħaddu, Osaka eliminata

Aqra wkoll

It-tielet seed, ir-Russu Daniil Medvedev, irkupra wara ħasda hekk kif issielet lura minn set minn taħt qabel ma l-avversarju tiegħu Terence Atmane rtira bid-dmugħ f’għajnejh minħabba bugħawwieġ fl-ewwel round tal-Australian Open.

Atmane rebaħ is-sett tal-ftuħ qabel ma Medvedev – finalista fl-2021 u l-2022 – dawwar il-partita favur tiegħu.

Medvedev kien qed jillidja 5-7 6-2 6-4 1-0 meta l-Franċiż kien sfurzat jirtira.

Il-kundizzjonijiet f’Melbourne fil-logħob tat-tieni jum kienu sħan milli kienu matul il-ġimgħa li għaddiet, bit-temperaturi ta’ barra laħqu s-27C u jiżdiedu aktar fid-dawl tax-xemx dirett fuq il-court.

Atmane deher jiġbed bugħawwieġ fit-tielet set u, wara li inizjalment kompla, iddeċieda li ma setax jibqa’ għaddej wara li tkisser kmieni fir-raba’ set.

Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena deher emozzjonat meta ħa b’idejn Medvedev max-xibka u mbagħad beka hekk kif ħeba rasu taħt ix-xugaman tiegħu.

Is-seba’ seed, il-Grieg Stefanos Tsitsipas, ukoll ġie minn wara biex għe­leb lit-tellief fortunat Belġjan, Zizou Bergs, 5-7 6-1 6-1 6-3.

Megħlub minn Novak Djokovic fil-finali ta’ Melbourne s-sena l-oħra, Tsitsipas kien lest li jaffronta lil Matteo Berrettini fir-round tal-ftuħ iżda t-Taljan irtira minħabba injury nhar il-Ħadd.

Tsitsipas, ta’ 25 sena, kellu inkwiet dwar injury tiegħu stess wara li rtira mill-ATP Finals f’Novembru b’injury fid-dahar iżda jgħid li l-irkupru tiegħu kien “aktar mgħaġġel minn kwalun­kwe player ieħor” li sofra l-istess kwist­­joni.

L-Amerikan ta’ 21 sena, is-16-il seed Ben Shelton, li laħaq is-semi-finali tal-US Open is-sena l-oħra, għeleb lill-Ispanjol Roberto Bautista Agut 6-2 7-6 (7-2) 7-5.

Il-kompatrijott Sebastian Korda, id-29 seed, rebaħ il-partita tal-ftuħ kontra l-player Ċek, Vit Kopriva, 6-1 6-4 2-6 4-6 6-4.

It-23 seed, l-Ispanjol Alejandro Da­vidovich Fokina, rebaħ f’sets dritti kontra l-Franċiż Constant Lestienne, 6-4 6-4 7-6 (7-5).

Il-Britanniku Andy Murray, 36 sena, jgħid li hemm “possibbiltà definita” li lagħab l-aħħar Australian Open tiegħu wara wirja mrażżna kontra l-Arġentin, Tomas Martin Etcheverry, li ratu jiġi eliminat fl-ewwel round. Huwa ftit wera emozzjoni hekk kif tilef 6-4 6-2 6-2, bil-finalista ħames darbiet, naqas milli jasal għat-tieni round għat-tieni darba biss fl-aħħar 13-il dehra tiegħu.

L-Amerikana ta’ 19-il sena, Coco Gauff, rebħet l-ewwel partita tagħha tal-Grand Slam bħala champion maġ­ġuri wara li f’Settembru rebħet l-ewwel titlu ewlieni tagħha fil-US Open, meta warrbet lis-Slovakkja, Anna Ka­rolina Schmiedlova, 6-3 6-0.

Il-Franċiża Caroline Garcia kel­lha bidu tajjeb meta għelbet lill-Ġappuniża Naomi Osaka, 6-4 7-6 (7-2), li kienet qed tirritorna fil-Grand Slam wara li sitt xhur ilu saret omm.

Iċ-champion ta’ Wimbledon, iċ-Ċeka Marketa Vondrousova, sofriet ħruġ xokkanti meta saret l-ogħla seed li waqgħet fl-ewwel round s’issa meta sfat megħluba 6-1 6-2 fit-tieni ġurnata mill-kwalifikata Ukrena, Dayana Yastremska.

Elina Svitolina, Ukrena oħra, li hija d-19-il seed, ħadet biss 59 minuta biex ittemm rebħa ta’ 6-2 6-2 fuq il-wildcard Awstraljana, Taylah Preston.

It-Tuneżina seed numru 6, Ons Jabeur, damet biss 67 minuta biex għe­l­-bet lill-Ukrena kwalifikata, Yulia Sta­rodubtsewa, 6-3 6-1.

Iżda l-21 seed, il-Kroata Donna Vekic tilfet 6-4 6-4 kontra r-Russa Anas­tasia Pavlyuchenkova, filwaqt li l-31 seed Ċeka, Marie Bouzkova, sofriet ħruġ kmieni kontra l-kompatrijotta ta’ 19-il sena, Linda Noskova, meta tilfet 6-1 7-5.

Ekonomija

Sport