Saturday, December 21, 2024

“Avvanzi saru imma għadna ‘l bogħod”

Proposta li dejjem emment fiha l-konsulenta tal-komunikazzjoni Christine-Ann Deasey… Hija wkoll tiffaċċja diffikultajiet fis-settur tax-xogħol minħabba diżabilità

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Christine-Ann Deasey, li hija konsulent tal-komunikazzjoni, filwaqt li rrikonoxxiet l-avvanzi li għamilna fl-impjieg ta’ persuni b’diżabilità, saħqet li għad hemm diffikultjiet u limitazzjonijiet għalihom fis-settur tax-xogħol tant li fir-rigward, tħoss li għadna pjuttost ‘il bogħod.

“Din hija proposta li dejjem emmint fiha. Ħadt pjaċir ħafna biha. Jekk naraw persuni b’diżabilità f’setturi differenti u fi rwoli ta’ tmexxija, tinbidel il-perspettiva. Għalhekk nemmen li anke jekk inneħħu l-kwota, din se tgħin biex aħna nħossuna aktar milqugħa u parti mis-soċjetà,” spjegat Deasey.

Din il-konsulenta tal-komunikazzjoni qalet lil dan il-ġurnal li kemm ilha ssegwi l-fora politika, din hija l-ewwel darba li semgħet bi proposta bħal din. Il-kandidat Laburista Steve Ellul, bil-għan li l-persuni b’diżabilità jidħlu aktar fid-dinja tax-xogħol u jilħqu l-milja tagħhom, barra l-bidla proposta fil-liġi, qajjem għarfien li persuna minn kull ħamsa b’diżabilità jgħixu fuq il-benefiċċju tal-qgħad.

Diffikultajiet għall-persuni b’diżabilità fis-settur tax-xogħol…

Rigward id-diversi diffikultajiet li persuni b’diżabiltà jiffaċċjaw biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol Deasey ikkonfermat li hemm diversi. Hawn hija spjegat li, “meta niġu biex nidħlu fid-dinja tax-xogħol, ovvjament għandna bżonn ċertu tipi ta’ proviżjonijiet. Waħda milli jkolli bżonn jiena hija dik li naħdem mid-dar, jiġifieri bir-remote working. Sfortunament mhux kulħadd jaċċettaha din. Hemm bżonn li nkunu aktar lesti biex nakkomodaw”.

Eżempju ta’ diffikultà oħra li tiffaċċja bħala persuna b’diżabilità fis-settur tax-xogħol huwa t-trasport. Dan għax, kif qaltilna, għal Deasey it-trasport jiswa ħafna flus. “Jitolbuni €160 biex immur u biex nirritorna. Dan huwa impossibbli speċjalment jekk taħdem bil-paga minima li, ħafna minna, huma bil-paga minima”. Mistoqsija għala ħafna mill-persuni b’diżabilità jingħataw paga minima din il-konsulent tal-komunikazzjoni spjegat li dan iseħħ minħabba li hemm perċezzjoni li l-persuni b’diżabilità ma jistgħux jew ma jafux jagħmlu x-xogħol. Barra minnhekk, insitiet li persuni b’diżabilità m’għandhomx opportunitajiet biex jikbru fid-dinja tax-xogħol.

Perċezzjoni u kummenti li jaqtgħulhom qalbhom

“Problema oħra hija din li għaddejt minnha jiena stess. Peress li d-dinja tgħidilna ‘ma nistax’ u ’le, insa’, ovvjament se naqtgħu qalbna. Allura aħna m’għandniex dik ir-rieda li jkollna rwoli ta’ tmexxija. Ħafna minnha kuntenti li nkunu d-dar, kuntenti li jkollna impjieg bħala srivani, jew inkella li nkunu self employed. Din kienet xi ħaġa li batejt minnha jien. Min jaf kemm qaluli ‘u isssa ma tarax li se taħdem fil-komunikazzjoni’. F’dan il-każ, m’inix ningħata l-opportunità li nagħmel ix-xogħol li nħobb jien. Dan anke fil-politika jiġri fejn tisma’ lin-nies jgħidu li qatt ma kellhom lil xi ħadd fil-politika li jkollu diżabilità,” kompliet Deasey.

“Bżonn li niddiversifikaw is-settur pubbliku”

Min-naħa tagħha din il-konsulenta fil-komunikazzjoni aċċennat għall-fatt li l-impjiegi għall-persuni b’diżabilità fis-settur pubbliku ħafna drabi jingħataw fl-Aġenzija Sapport jew fil-Kummissjoni. Hija tixtieq tara aktar persuni b’diżabilità impjegati fost l-oħrajn fl-ambjent. Temmen li l-impjiegi għall-persuni b’diżabilità għandhom ikunu f’setturi differenti u li niddiversifikaw is-settur pubbliku.

Christine-Ann Deasey temmet tgħid li, sfortunatament, hawn ċerta mentalità u nsistiet li wieħed irid iżomm f’moħħu li ma jfissirx li jekk hemm diżabilità, m’hemmx kapaċità. Insistiet li, “min huwa fl-ispettru xorta waħda huwa persuna intelliġenti u allura kapaċi li jkollu xogħol”.

Ekonomija

Sport