Tuesday, December 24, 2024

Avveniment storiku… L-Apostolato tal-Imdina fuq l-artal tal-Kon-katidral tal-Belt Valletta

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Fundazzjoni tal-Kon-katidral, kif wkoll ir-restawr estensiv tal-Oratorju, u l-ftuħ tal-ispazju dedikat lil Caravaggio, sar it-trasferiment temporanju u storiku tal-istatwi tal-fidda tal-appostli mill-Imdina għall-Belt Valletta. F’din l-okkażjoni wieħed jista’ jammira din il-wirja spettakolari f’wieħed mill-iżjed spazji opulenti f’Malta.

Dan is-sit tkellem mal-kuratur Mons Dr Edgar Vella biex jagħtina aktar informazzjoni dwar dan.

Huwa qal li l-aktar kummissjoni artistika u prestiġjuża li daħal għaliha l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Gwann fis-seklu Tmintax, kienet bla dubju dik afdata lill arġentier Antonio Arrighi. L-isem tal-artist hu dovut għar-riċerka estensiva ta’ Prof Keith Sciberras li ta dawl fuq dan l-iżjed set importanti u numeruż ta’ statwi tal-fidda.

Dr Vella spjega li Arrighi kien ispirat mill-istatwi kolossali tal-appostli li nsibu fl-irħam ġewwa l-Bażilika ta’ San Giovanni Laterano Ruma. L-artist iżda adatta l-mudelli fil-fidda għal dimensjonijiet u postura li jistgħu jakkomodaw l-arredamenti tal-artal.

Il-kuratur qal: “Dan is-sett ta’ 15-il statwa magħruf bħala Apostolato nħadem bejn l-1741 u l-1743, u sar biex iżejjen l-artal maġġur tal-knisja Konventwali ta’ San Ġwann Valletta. U allura forsi wieħed jistaqsi kif spiċċaw l-Imdina?  U l-istorja turbolenti tmur għal żmien il-ħakma Franċiża fi tmiem is-seklu Tmintax.”

Dr Vella spjega li meta t-truppi Napoleoniċi kienu Napli, kellhom diġà għajnejhom iffukati fuq Malta billi kienu jafu bit-teżori inestimabbli kustoditi fil-propjetajiet diversi tal-Ordni tal-kavallieri ta’ San Ġwann u allura m’għaddhiex wisq żmien meta l-flotta Franċiża dehret fuq ix-xefaq tal-ibħra teritorjali Matin.

Żied jgħid li fit-12 ta’ Gunju tal-1798 Napuljun kiteb ittra lill-Isqof Vincenzo Labini fejn wiegħed rispett lejn ir-reliġjon, l-użanzi reliġjuzi, u l-ħarsien. “Naturalment il-ħlewwa falza spikkat biex tiggarantixxi li l-Isqof ma jopponix l-okkupazzjoni Franċiża tant hu hekk li l-Isqof stieden lil General Claude-Henri-Belgrand de Voubois għal pranzu ġewwa l-palazz Veskolvili l-Mdina.” 

“Fit-13 ta’ Ġunju it-truppi sbarkaw il-port u dakinhar ħareġ editt li jordna s-sekwestru tat-teżori kollha fil-knejjes u palazzi tal-Ordni, u fi żmien ħames t’ijiem Napuljun ordna li l-Isqof jineħħielu kull poter ħajr li jiġbor u jlaqqa’ lil-kleru bir-riżultat li l-knisja ġiet soffokata milli tiffunzjona bħala istituzzjoni.”

Dr Vella qal li fl-istess jum ġie deċiż li fost l-oħrajn li l-istatwi tal-appostli meqjusa bħala m’humhiex importanti għar riti liturġiċi jiddewbu f’ingotti tal-fidda.

Dr Vella spjega li l-Kanonku Salvatore Susano intebaħ li d-diżastru kien imminenti u sejjaħ b’urġenza lill Kapitlu tal-Katidral fejn saħaq l-importanza li l-Apostolato jiġi salvat. Għalekk ġie propost li jsir tpartit ta’ deheb u fidet mil-katidral tal-Mdina għal piż tal-istatwi. B’dan l-ewwel riskatt, il-Franċiżi għinu ruħhom u il-Katidral tilef ammont kbir ta’ patrimonju storiku u artistiku.

“Fl-10 ta’ Awwissu Voubois kiteb mill-ġdid lill-Isqof Labini fejn semma t-tieni riskatt. Biex jiġu salvati l-istatwi l-Kapitlu kellu jissagrifika mill-ġdid iżjed fidet u f’dan it-tieni riskatt Andre Vincent Gavrot u ċertu Perrot ħatfu ħafna iżjed mid-doppju kwazi t-tripplu tal-piż oriġinali tal-Appostli. Nafu dan minn riċevuta li ħallew il-Franċiżi u għall-inventarju tal-oġġetti meħuda u sakkeġati bl-iżjed mod agressiv.” 

“Għaldaqstant il-piż oriġinali tal-Apostolato ta’ 445 libbra  sewa lill-Kapitlu tal-Katidral tal-Mdina, teżor ta’ 1,538 libbra li kien jinkludi ġojjelli. Għalhekk l-istorja tal-Apostolato tibqa’ testimonjanza tat-telf kbir ta’ opri artistiċi, prezzjużi u storiċi li jħallu biss niket nostalġiku għal dak li kien jikostitwixxi il-patrimonju nazzjonali ta’ Malta.”

Ekonomija

Sport