Monday, December 23, 2024

Awtorizzat il-ħames vaċċin sikur u effettiv kontra l-Covid-19

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea lbieraħ tat awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq (CMA) għall-vaċċin kontra l-COVID-19 Nuvaxovid, żviluppat minn Novavax, il-ħames vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat fl-Unjoni Ewropea.

L-awtorizzazzjoni ngħatat wara rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, l-effettività u l-kwalità tal-vaċċin mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u hija approvata mill-Istati Membri.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, stqarret: “Fi żmien fejn il-varjant Omicron qed jinxtered malajr, u fejn jeħtieġ li nżidu t-tilqim u l-amministrazzjoni tal-boosters, ninsab partikolarment kuntenta bl-awtorizzazzjoni tal-vaċċin Novavax. Dan huwa l-ħames vaċċin sikur u effettiv tal-portafoll ta’ vaċċini tagħna, u joffri protezzjoni addizzjonali liċ-ċittadin Ewropew kontra l-pandemija. Nittamaw li din l-awtorizzazzjoni toffri inkoraġġiment b’saħħtu lil dawk kollha li għadhom ma tlaqqmux jew ingħataw il-booster, li issa huwa ż-żmien biex jagħmlu dan.”

Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari qalet li dan huwa l-ewwel vaċċin abbażi ta’ proteini tagħna, li juri riżultati promettenti kontra l-COVID-19. Sostniet li t-tilqim u l-għoti tal-boosters biex tiżdied il-protezzjoni kontra l-COVID-19 illum hija aktar importanti minn qatt qabel, jekk irridu nwaqqfu l-mewġa ta’ infezzjonijiet u niġġieldu kontra l-emerġenza u l-imxija ta’ varjanti ġodda.

Abbażi tal-opinjoni pożittiva tal-EMA, il-Kummissjoni vverifikat l-elementi kollha li jappoġġaw l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u kkonsultat lill-Istati Membri qabel ma tat l-awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq.

Il-Kummissjoni ffirmat il-kuntratt ma’ Novavax fl-4 ta’ Awwissu 2021. 

Bl-awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq, Novavax se tkun tista’ twassal sa 100 miljun doża tal-vaċċin tagħha kontra l-COVID-19 lill-UE, mill-ewwel tliet xhur tal-2022. Il-kuntratt jippermetti lill-Istati Membri jixtru 100 miljun doża addizzjonali matul l-2022 u l-2023.

L-ewwel dożi mistennija jaslu fl-ewwel xhur tal-2022, u għal dawn l-ewwel tliet xhur, l-Istati Membri ordnaw madwar 27 miljun doża. Dan se jżid mal-ammont totali ta’ 2.4 biljuni dożi tal-vaċċin żviluppat minn BioNTech/Pfizer, 460 miljun doża tal-vaċċin żviluppat minn Moderna, 400 miljun doża ta’ dak żviluppat minn AstraZeneca kif ukoll 400 miljun doża minn Janssen.

Ekonomija

Sport