Friday, May 17, 2024

Il-clubs nefqu $500 miljun lill-aġenti tal-players skond il-FIFA

Aqra wkoll

Il-clubs tal-football nefqu $500.8 miljun fi ħlasijiet lill-aġenti fl-2020, aktar mis-sena ta’ qabel, minkejja tnaqqis fl-infiq fuq trasferimenti, qalet il-FIFA f’rapport li għadha kif ippubblikat.

Il-FIFA qalet li l-infiq tal-clubs fuq il-miżati tat-trasferimenti naqas għat-tieni sena konsekuttiva, minħabba l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19, iżda li “dan it-tnaqqis ma sarx għall-infiq fuq il-miżati tas-servizzi intermedjarji, li baqgħu fuq l-istess livell bħal fl-2020 u saħansitra żdiedet bi ftit b’0.7%.”

Il-clubs Ewropej ammontaw għal 95.8% tat-total minfuq fuq ‘miżati ta’ servizz intermedjarju’, bi clubs mill-Ingilterra ($133.3m), il-Ġermanja ($84.3m), l-Italja ($73.5m), Spanja ($34.8m), Franza ($30.3m) u l-Portugall ($29.3m) responsabbli għal 77% tas-somma totali madwar id-dinja.

Ir-rapport tal-FIFA jasal hekk kif il-korp governattiv tal-football dinji qed ifittex li jbiddel ir-regolamenti għall-aġenti tal-football.

It-tielet abbozz tal-bidliet tqassam u jinsab għall-konsultazzjoni – jinkludi skema ta’ eżami u liċenzji u limiti fuq il-ħlasijiet li jkollhom jgħaddu wkoll mis-sistema tal-FIFA Clearing House.

Il-miżati tal-aġenti jkunu limitati għal 10% tal-pagamenti kollha relatati mat-trasferiment u 3% tas-salarju ta’ player għal servizzi lil player.

Il-proposti ġew ikkritikati minn numru ta’ aġenti prominenti, iżda għandhom jitressqu quddiem il-kunsill governattiv tal-FIFA għall-approvazzjoni fl-ewwel nofs tal-2022.

Sport