Dalgħodu uffiċjali minn 3 entitajiet tal-Gvern assistiti mill-Pulizija, wettqu azzjoni ta’ infurzar fi Pajzza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex.
L-azzjoni li ttieħded mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Awtorità tal-Artijiet, kif ukoll Planning Authority waslet eżattamet ġimgħa qabel il-festa ta’ San Ġorġ liema knisja hija fl-istess pjazza.
Dan is-sit jinsab informat li l-awtoritajiet tkellmu mas-sidien tal-ħwienet li hemm fil-post u anke infurzaw dwar kemm suppost ikun hemm imwejjed f’din il-pjazza.
Sorsi qrib l-awtoritajiet qalu lil dan is-sit li azzjonijiet ta’ infurzar bħalma sar illum se jkomplu jsiru fiż-żmien li ġej.
Ftit ġimgħat ilu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi waqt li kien qiegħed jitkellem fil-Parlament ħabbar li se jkun imġedded il-Masterplan dwar Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex bil-għan li jinstab bilanċ adegwat bejn l-interessi tal-pubbliku u dawk li joperaw f’din il-pjazza.
Il-Ministru kien sostna li se ssir diskussjoni wiesgħa mal-entitajiet kollha involuti taħt l-awspiċju tal-Awtoritàa Maltija tat-Turizmu biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet f’din il-pjazza billi kulħadd jifhem il-limitazzjonijiet li jeżistu u x’hemm bżonn isir biex jinstab il-bilanċ adegwat. L-istess Awtorità tat-Turiżmu qegħda tikkordina proċess flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar, u l-pulizija biex ikunu riżolti sitwazzjonijiet simili mal-pajjiż kollu.
Dwar is-sitwazzjoni li kien hemm fi Pjazza San Ġorġ kien tkellem b’mod f’saħħtu ħafna l-Arċipriet tal-Bażilika Mons Joseph Curmi fejn fost l-oħrajn kien qal li “Qalbi tingħafas x’ħin nara familja ma jistgħux jidħlu b’tebut il-Knisja”.