Thursday, December 26, 2024

Azzjonijiet Meħuda mill-OHSA bejn Jannar u Ġunju

Aqra wkoll

Matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, uffiċċjali mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għamlu 2,177 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol differenti kemm waqt il-ħin tax-xogħol kif ukoll aktar tard matul il-ġurnata jew fi tmiem il-ġimgħa. Dawn kienu jvarjaw minn intrapriżi micro sa dawk kbar fis-settur tal-manifattura, kostruzzjoni kif ukoll tas-servizzi, fost oħrajn. Bħalma dejjem ġara, matul l-ispezzjonijiet, l-uffiċċjali ħarsu lejn numru ta’ affarijiet fl-attività tax-xogħol li kienet qed issir u ħadu azzjoni skont il-livell tar-riskji li jkun hemm.

Wara l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali kellhom ukoll kważi 400 laqgħa privata ma’ min hu responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà sabiex jiddiskutu temi relatati mal-ispezzjoni.

F’sitwazzjonijiet fejn il-periklu huwa sinifikanti iżda mhux għoli, jinħarġu ‘improvement notices’, li jagħtu struzzjonijiet lil min iħaddem biex jirrimedja s-sitwazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Bejn Jannar u Ġunju 2022, inħarġu 357 minn dan it-tip ta’ avviżi ta’ titjib.

F’403 post tax-xogħol li ġew spezzjonati, il-perikli preżenti tqiesu serji biżżejjed li setgħu potenzjalment jikkawżaw mewt jew ħsara fiżika serja. F’dawn il-każijiet, l-uffiċjali tal-OHS ħarġu ordnijiet biex l-attivitajiet tax-xogħol jieqfu immedjatament sakemm is-sitwazzjoni tiġi rimedjata. Dawn il-każijiet ikomplu jiġu segwiti biex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol isiru konformi. F’dawn il-każijiet kollha, jinħarġu multi amministrattivi jew jinbdew proċeduri ġudizzjarji ladarba l-investigazzjonijiet tal-OHSA jiġu finalizzati.

Matul l-istess perjodu ta’ żmien, 253 entità u individwu nħarġulhom multi amministrattivi għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol imwettaq matul ix-xhur preċedenti, b’valur ta’ ftit aktar minn €100,000. Inbdew ukoll proċeduri legali fil-qorti f’74 każ individwali.

L-aktar nuqqasijiet komuni li jiltaqgħu magħhom l-uffiċċjali huma n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet biex jipprevjenu waqgħat mill-għoli, project supervisors tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jaderixxux mal-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni ta’ saħħa u sigurtà u klijenti tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-project supervisors.

Matul l-istess perjodu ta’ żmien, l-OHSA vverifikat ukoll 2,466 rapport ta’ eżaminazzjoni ta’ tagħmir u 951 formola ta’ notifika ta’ kostruzzjoni, fost oħrajn.

Ekonomija

Sport