Il-Partit Laburista qal li l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi, reġa’ kkonferma kif il-manifest tal-Partit Nazzjonalista ma jinkludix iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa.
Fi stqarrija, il-PL qal li bit-tneħħija ta’ din ir-rifużjoni l-poplu se jmur lura b’mill-inqas €24 miljun.
“Jason Azzopardi rrefera għal idea ta’ tax credits fil-manifest tal-Partit Nazzjonalista u qal li hekk in-nies jiffrankaw iktar. Dan hu żball totali. Bħal Kap tiegħu għamel il-persentaġġ ħażin. Għal dawk bi dħul baxx u medju l-proposta tal-Partit Nazzjonalista fiha kundizzjoni li jċaħħadhom minn ċekk li jieħdu sal-lum u minfloku ma tagħtihom xejn,” qal il-PL
Żied jgħid li ma jistax ikun hemm konferma ikbar minn din ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista ma jistax jamministra l-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Għax għal darb oħra anke f’kalkoli mill-iktar sempliċi mar żmerċ. Mhux ta’ b’xejn meta qal li se jħallu iktar flus fil-but ma kienx jaf jgħid kemm. Għax fil-verità se jħalli inqas għall-kważi l-ħaddiema kollha,” qal il-PL.
Temm jgħid: “Kif spjegat diġà bil-proposta tal-Partit Laburista se nħallu €90 miljun fis-sena u minnhom se jgawdi kulħadd b’sens ta’ ġustizzja soċjali.”