Tuesday, April 30, 2024

Baby box bi prodotti sostenibbli għal kull wild li jitwieled

Aqra wkoll

Baby box bi prodotti sostenibbli se titqassam mar-reġistrazzjoni ta’ kull wild minn nhar it-Tnejn, 13  ta’ Novembru ’l quddiem. 

Il-baby box tinkludi għaxar prodotti li jintużaw għat-trabi, bħal gverta magħmula mill-bamboo,  reusable nappy u tote bag magħmul minn fliexken tal-plastik riċiklati, feeding bib, teether, kalzetti u  mittens. 

It-tema magħżula hija ‘You Hold Their Future’ għax biex jitrawwem stil ta’ ħajja sostenibbli, is sostenibbiltà trid tkun parti mill-ħajja ta’ kull individwu sa mit-twelid.  

Permezz tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, dan il-proġett pilota fuq medda ta’ tliet xhur se  jkun qed jiġi evantwalment estiż kif imħabbar fid-diskors tal-Budget għas-sena 2022. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, flimkien  mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt it-tnedija tal Baby Box fiċ-childcare Lil’Ville. 

“Permezz ta’ din il-baby box, nixtiequ nrawwmu kultura ta’ ħajja sostenibbli fid-djar tagħna. Nafu  wkoll li mhux kulħadd għandu aċċess għal dawn il-prodotti jew l-għarfien dwarhom. Għalhekk qed  nagħmlu l-ewwel pass aħna biex ngħinu nkattru l-għarfien u nintroduċu liċ-ċittadini tagħna, fil mumenti differenti tal-ħajja tagħhom, għal kif ħajja sostenibbli hija tassew possibbli. Permezz ta’  inizjattivi u miżuri differenti qed nilħqu lill-familji, lill-istudenti, iż-żgħażagħ u l-intrapriżi,” qalet il Ministru Miriam Dalli. 

“Għalhekk l-appell tiegħi huwa wieħed, irridu naħdmu lkoll flimkien id f’id sabiex nersqu lejn  żvilupp sostenibbli ekonomiku, soċjali u ambjentali,” ikkonkludiet il-Ministru Miriam Dalli. 

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li s-sehem loġistiku  ta’ Identity Malta fit-tqassim ta’ dawn il-kaxxi huwa eżempju ieħor ta’ kif din l-aġenzija qed tiffaċilita ħajjet in-nies. Fakkar li t-tqassim se jsir minn Identity Malta għax din l-aġenzija għandha uffiċċju  f’Mater Dei, fejn wieħed jista’ jirreġistra t-tarbija mill-isptar stess, mingħajr ma jirrikorri bnadi oħra.

“Din l-attitudni ta’ effiċjenza issa qed tkompli tissaħħaħ bil-kunċett ta’ baby box, biex il-klijenti  tagħna jkunu nqdew fil-pront u fl-istess ħin ikunu introdotti għal stil ta’ ħajja sostenibbli mal introduzzjoni ta’ membru ġdid fil-familja tagħhom,” qal is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat. 

Żied jgħid li l-aġenzija hija impenjata li tippromwovi ħajja sostenibbli bil-prattiċi interni tagħha.  Infatti, ħafna mis-servizzi li toffri issa saru paperless. 

Din l-inizjattiva tolqot primarjament żewġ miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, li huma  ekonomija sostenibbli, u produzzjoni u konsum sostenibbli. 

Il-Baby Box tista’ tinġabar mill-uffiċini ta’ Identity Malta fl-Isptar Mater Dei jew fil-Marsa u mill Uffiċċju tar-Reġistru f’Għawdex meta ssir ir-reġistrazzjoni tat-tarbija.

Sport