Friday, April 19, 2024

L-FKNK tressaq protest ġudizzjarju kontra l-BirdLife Malta

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ippreżentat Protest Ġudizjarju fil-Qorti kontra l-BirdLife Malta (BLM).  Dan peress, li l-istess BLM resqet protest ġudizzjarju kontra il-Ministru ta’ Għawdex, il-Ministru tal-Ambjent, Il-Wild Birds Regulation Unit (WRBU) u l-Environmental Resources Authority (ERA), fejn talbet biex jiġi revokat il-qafas legali li jippermetti deroga għal riċerka xjentifika minn nassaba fuq is-seba’ speci tal-għasafar tal-għana.

Fil-protest, il-FKNK qiegħda toġġezzjona bil-qawwa kollha għat-talba biex tali qafas legali jiġi imħassar u tiddikajara li dan huwa l-enneżimu attakk tal-BLM fil-konfront tan-nassaba u l-kaċċaturi li dejjem kienu fil-mira tal-attakki manipulattivi w destruttivi ta’ BLM.  Ironikament BirdLife Malta qiegħda toġġezjona għall-proġett ta’ riċerka meta istess BLM tilqa’ fi ħdanha 20 ‘bird-ringer’ liema ‘bird-ringers’ matul s-sena sħiħa jużaw l-istess metodi w prattii indikati fil-qafas legali in kwistjoni, fejn mhux biss similarment għall-qafas legali jużaw xibka biex jaqbdu l-għasfur, u wara li dan jiġi eżaminat jerġa jinħeles fis-selvaġġ, iżda iktar minn hekk dawn il-‘bird-ringers’ igawdu ħafna privileġġi filwaqt li n-nassaba li qiegħdin jieħdu parti fir-riċerka huma marbuta b’ħafna restrizzjonijiet!

Illi fid-dawl tal-premess, jidher b’mod lampanti li dak li qed jaġixxi bħala li huwa l-fuq mill-liġi hija BirdLife Malta stess, li minkejja li l-20 ‘bird-ringer’ fi ħdanha jagħmlu xogħol ta’ riċerka simili, qiegħda tippretendi li twaqqaf attività tar-riċerka fuq 7 speċi ta’ għasafar tal-għana sempliċement għaliex qiegħed issir minn nassaba!  Għar-rigward l-allegazzjonijiet ta’ illegalitajiet li qiegħdin ixerdu l-BLM, il-FKNK ma tistax ma tippuntwalizzax illi filwaqt li hija dejjem ikkundannat kwalsiasi illegalita’ u wissiet kemm il-darba biex jiġu osservati r-regolament legali, mandakollu bħal ma jiġri f’kull settur ieħor fil-ħajja u fis-soċjetà, l-ebda attività legali ma għandha qatt tiġi abolita u/jew jiġi llegalment kastigat kullħadd, mingħajr ebda distinzjoni, minħabba illegalità kommessa minn individwu/i.

Fil-protest tagħha l-BLM ukoll tallega skorrettament li taħt din id-deroga ghar-riċerka qiegħdin jinqabdu eluf ta’ għasafar li mhux qiegħdin jerġaw jintelqu fis-selvaġġ kif tistipula d-deroga.  Tali dikjarazzjoni hija manipulazzjoni tal-verita’ u aktar tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa w skorretta.  Konsegwentament, permezz tal-prezenti Protest il-FKNK qiegħda formalment titlob lill-BLM sabiex twaqqaf dawn il-manuvri tagħha bbażati fuq premessi infondati u nofs veritajiet u tiddeżisti milli tkompli għaddejja bl-aġenda tagħha kontra n-nassaba w l-kaċċaturi u dan ghaliex il-qafas li jippermetti deroga ghal riċerka xjentifika fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana huwa wiehed regolari w konformi mad-Direttiva Ewropea tal-“Għasafar”, anke jekk kontra x-xewqat ta’ BirdLife Malta stess.

Sport