Michaela Ellul, atleta li tagħmel parti mill-akkademja Nazzjonali tal-Badminton, ġabet suċċess ieħor lejn pajjiżna. Michaela rnexxielha tikseb it-tieni post fil-kategorija femminili singles kif ukoll it-tielet post fil-kategorija tal-Mixed Doubles, fl-open ta Santeramo fl-Italja. Hija kienet akkumpanjata minn wieħed mill-coaches tal-akkademja Patrick Cassar.
Fil-bidu tal-kompetizzjoni hija spiċċat fil-quċċata tal-grupp tagħha wara li għelbet lil Victoria Stella Montresor u wara lil Francesca Mariano b’rebħiet konvinċenti ħafna. Fis-semi finali mbgħad, Ellul rnexxielha tegħleb l-isfida ta’ Rosa Efomo De Marco f’logħba iktar eċċitanti u kombattutra fejn Michaela ħarġet rebbieħa 21-18, 21-11.
Fil-finali hija affaċjat lil Jenny Passerini. Ellul ħarġet tajjeb ħafna u rebħet l-ewwel game 23-21, iżda Passerini ħadet it-tieni game bi skor ta’ 21-12. Fil-logħba deċiżiva, Passerini irnexxiela tegħleb lil Ellul 21-18, f’logħba kompettiva ħafna li ħadet 46 minuta.
Fil-kategoria Mixed Doubles, Michaela Ellul u Nicola Spagnuolo spiċċaw fit-tielet post. Wara li rebħu il-logħob inizjali tagħhom u waslu sas-semi finali, huma kellhom jaffaċjaw lil Daniele Carlone u Rosa Efomo De Marco u tilfu bl-iskor ta 21-17, 21-8. Carlone u de Marco imbgħad komplew biex rebħu il-kompetizzjoni.
Kienet kompetizzjoni ta’ suċċess għal Michaela Ellul, li issa tkompli taħdem mal-atleti l-oħra tal-akkademja biex ikomplu jġibu iktar suċċessi lejn pajjiżna.