Baġit 2027: Prova ta’ Maturità Parlamentari

- Tikteb il-Membru Parlamentari Fleur Abela

Aqra wkoll

Għada, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana se jippreżenta l-Baġit għall-2027, li se jfassal il-prijoritajiet tal-Gvern għas-sena li ġejja. Inħares lejn din l-okkażjoni b’ottimiżmu u fiduċja li dan il-Baġit se jkompli jibni fuq is-suċċessi tal-baġits preċedenti ta’ Gvern Laburista, li għaqqdu t-tkabbir ekonomiku mar-responsabbiltà soċjali, filwaqt li taw sostenn lill-familji, lill-pensjonanti u lin-negozji. Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, nemmen li se nkomplu mexjin f’din id-direzzjoni pożittiva, b’miżuri li jwieġbu għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna.

Għalija personalment, iżda, il-Baġit ta’ din is-sena għandu tifsira partikolari. Għall-ewwel darba, se nkun qed nipparteċipa fid-diskussjonijiet bħala Membru Parlamentari eletta. Fis-snin li għaddew kont insegwi dawn l-okkażjonijiet bħala ċittadina, nisma’ l-proposti u l-argumenti miż-żewġ naħat tal-Kamra, u nipprova nifhem kif id-deċiżjonijiet meħuda se jolqtu lill-familji tagħna u l-futur ta’ pajjiżna.

Din l-esperjenza tagħmilni aktar konxja mir-responsabbiltà li llum għandi bħala deputata. Għaliex min isegwi l-Parlament mid-dar ma jkunx interessat biss fiċ-ċifri u fil-miżuri mħabbra, iżda wkoll fil-mod kif ir-rappreżentanti tiegħu jiddiskutu u jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom.

U hawn irridu nirrikonoxxu realtà li ħafna ilha ddejjaqhom: il-poplu xeba’ jara għajjat, battibekki u konfronti politiċi li ftit li xejn iżidu valur mad-diskussjoni.

In-nies jifhmu li l-Gvern u l-Oppożizzjoni mhux dejjem se jaqblu. Wara kollox, id-differenzi fl-ideat huma parti essenzjali mid-demokrazija. Iżda ħadd ma jistħoqqlu jara dibattiti ta’ importanza nazzjonali jispiċċaw mgħottija minn inċidenti li jistgħu jiġu evitati.

Fil-passat rajna okkażjonijiet parlamentari fejn l-attenzjoni nġibdet aktar lejn il-konfront milli lejn is-sustanza. Rajna deputati jgħajtu fuq xulxin, skambji ta’ kliem pjuttost dispreġjattiv, u saħansitra min deliberatament qagħad quddiem il-kameras tat-televiżjoni biex itellef ix-xandira. Dawn huma xeni li ma jagħmlu ġieħ lil ħadd, wisq inqas lill-ogħla istituzzjoni demokratika ta’ pajjiżna.

Il-Parlament mhuwiex studio televiżiv fejn jirbaħ min jagħmel l-akbar spettaklu. Huwa l-post fejn ideat differenti għandhom jiġu diskussi, ikkontestati u difiżi b’argumenti sodi u bir-rispett li jixraq lill-istituzzjoni.

Bħala deputata Laburista, se nibqa’ niddefendi l-prinċipji u l-politika li nemmen fihom. Fl-istess waqt, nirrikonoxxi d-dritt u d-dmir tal-Oppożizzjoni li tiskrutinizza lill-Gvern, tistaqsi u tippreżenta alternattivi. Dan huwa proprju dak li jagħmel id-demokrazija b’saħħitha. Iżda hemm differenza bejn li tkun sod fil-konvinzjonijiet tiegħek u li tonqos mir-rispett lejn min ma jaqbilx miegħek.

Għalhekk, lejlet il-Baġit 2027, nixtieq nagħmel appell li jmur lil hinn mill-kuluri politiċi. Ejjew niżguraw li l-jiem li ġejjin jibqgħu mfakkra għall-kwalità tal-argumenti tagħna, mhux għall-għajjat.

Dan jgħodd mhux biss għall-preżentazzjoni tal-Baġit, iżda wkoll għad-dibattiti li jsegwu, partikolarment id-diskorsi tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-pajjiż għandu jkollu l-opportunità jisma’ żewġ viżjonijiet differenti dwar il-futur tiegħu, mingħajr interruzzjonijiet u konfronti bla bżonn.

Bħala Deputat Whip tal-Gvern, inħoss responsabbiltà partikolari biex dan iseħħ. Flimkien mal-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, għandna d-dmir li niffaċilitaw il-ħidma tal-Grupp Parlamentari tagħna, iżda wkoll li nħeġġu d-dixxiplina u r-rispett waqt id-dibattiti. Nittama sinċerament li l-kollegi tagħna fl-Oppożizzjoni jersqu lejn dawn il-jiem bl-istess spirtu, għaliex id-dinjità tal-Parlament hija responsabbiltà kollettiva.

Dan mhuwiex appell għal inqas dibattitu, iżda għal dibattitu aħjar. Fi żmien meta d-diskors politiku, speċjalment fuq il-midja soċjali, spiss jinbidel f’konfront personali, il-Parlament għandu jkun eżempju ta’ kif nistgħu ma naqblux mingħajr ma nitilfu r-rispett. Dan huwa wkoll il-messaġġ li għandna nwasslu lill-ġenerazzjonijiet iżgħar.

Ninsab fiduċjuża wkoll li l-Ispeaker Carmelo Abela, bl-esperjenza parlamentari vasta tiegħu u bl-approċċ raġonevoli u bilanċjat li jħaddan, se jmexxi dawn il-proċeduri bl-awtorità, bil-diliġenza u bl-ordni li jixirqilhom.

Fi żmien ta’ tensjonijiet internazzjonali u inċertezza globali, il-Baġit 2027 għandu jibqa’ mfakkar għad-deċiżjonijiet li se jsawru l-futur ta’ pajjiżna, mhux għal konfronti politiċi li jaljenawna minn dak li verament jgħodd.

Nistgħu noqogħdu fuq naħat differenti tal-Kamra u jkollna fehmiet differenti, iżda lkoll għandna l-istess responsabbiltà li nħarsu d-dinjità tal-istituzzjoni li ġejna eletti biex naqdu fiha.

Dan huwa l-eżempju li jixirqilha d-demokrazija tagħna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport