Għada, it-Tnejn, 26 tax-xahar huwa Jum il-Budget għas-sena 2027. Budget li m’għandux jitqies bħala xi ħaġa għaliha waħedha. Għandu jitqies fil-kuntest ta’ dak li għaddej madwarna għax għalkemm pajjiżna huwa gżira, mhux terra ferma mal-kumplament tal-Ewropa, ma jfissirx li m’għandux jinteressana x’inhu, u x’ikun, għaddej minn fuq l-Ewropa.
Ċertament li xi ftit jew wisq kulħadd isegwi. Rajna xeni ta’ twerwir fi Franza, Spanja, l-Italja, Belġju u Albanija fost oħrajn. Qegħdin naraw x’instabbilità u x’nuqqas ta’ serħan il-moħħ qegħdin jolqtu lil dawn il-popli.
F’kuntrast ma’ dan pajjiżna għandu s-sitwazzjoni attwali u d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela: Il-Budget 2027 irid jibqa’ wieħed li jibgħat messaġġ konsistenti. Se nibqgħu nkunu ta’ spalla u nwieżnu lill-familji Maltin u Għawdxin. Budget ta’ serħan il-moħħ. Ta’ stabbilità. Ta’ direzzjoni. Ta’ investiment fin-nies.
Pajjiżna għandu ekonomija soda. Id-dħul tal-Gvern huwa b’saħħtu u kalibrat. Dawn huma ingredjenti li wasslu għall-miżura kruċjali tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Miżura strumentali biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ b’saħħitha u reżiljenti. Biex il-piżijiet qawwija li hemm barra minn xtutna ma jmorrux fuq spallejn il-poplu u n-negozju.
Konvinta li għada fid-Diskors tal-Budget mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana se jispikkaw l-għaqal u l-kapaċitajiet tal-Gvern li jħares bil-quddiem b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.
Skemi tal-MCVS
Minn ħdan il-Ministeru tagħna jitħaddmu diversi skemi ta’ għajnuniet finanzjarji lil għaqdiet volontarji bil-għan li jkunu mhux biss ta’ għajnuna fit-twettiq ta’ proġetti b’risq il-komunitajiet rispettivi imma wkoll bil-ħsieb li jservu ta’ inkoraġġiment biex aktar persuni jersqu biex iservu f’dan l-għan nobbli. Skemi li jitħaddmu mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Fil-jiem li għaddew kelli l-opportunità inħabbar tnedija ta’ skema b’finanzjament ta’ €800,000 u għajnuna finanzjarja li tammonta għal €20,000 minn skema differenti lil għaqda volontarja partikolari.
Is-somma ta’ €800,000 hija allokata taħt l-iskema Community Support Scheme (CSS), skema li nedejna għall-ewwel darba s-sena li għaddiet. Skema li se tkompli tindirizza l-ħtiġijiet ta’ 21 Kunsill Lokali, erba’ Kunsilli Reġjonali u madwar 900 għaqda volontarja fil-lokalitajiet li ma jikkwalifikawx taħt il-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea.
Tajjeb jingħad li l-Programm LEADER ġie rikonoxxut bħala suċċess u mod innovattiv ta’ kif jgħin fl-iżvilupp ta’ żoni rurali. Madankollu l-fondi tiegħu huma indirizzati speċifikament għal proġetti li jitwettqu f’lokalitajiet meqjusa rurali. Il-konsegwenza t’hekk hija li numru ta’ lokalitajiet f’Malta ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-fondi. Kien għalhekk li s-sena li għaddiet ħloqna l-iskema CSS, biex permezz tagħha nindirizzaw tali sitwazzjoni u tkun ta’ appoġġ lil dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li huma bbażati f’lokalitajiet li mhumiex eliġibbli taħt il-programm LEADER. Aktar kmieni din is-sena, bil-benefiċċju tal-iskema tas-sena li għaddiet, tvaraw 52 proġett.
Il-lokalitajiet li tagħhom huma eliġibbli taħt din l-iskema l-Kunsilli Lokali u Reġjonali kif ukoll l-Għaqdiet Volontarji huma Ħal Balzan, Birkirkara, Bormla, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, Birgu, Fgura, Furjana, Gżira, Ħamrun, Imsida, Isla, Marsa, Raħal Ġdid, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Venera, Pietà, Sliema u Ta’ Xbiex.
L-applikazzjonijiet jiftħu nhar l-Erbgħa li ġej, 28 ta’ Ottubru, u jagħlqu l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru 2026.
It-tieni okkażjoni kienet tikkonċerna skema differenti imma wkoll mħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), l-iskema Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS). Permezz ta’ din l-iskema l-Fondazzjoni Service Dogs Malta se tingħata għajnuna finanzjarja ta’ €20,000.
B’riżultat ta’ din l-għajnuna l-Fondazzjoni se tixtri vann adattat għat-trasport sigur ta’ klieb ta’ assistenza, flimkien mal-persuni li jużaw is-servizzi tagħha u l-voluntiera.
L-indipendenza ta’ persuna b’diżabilità tinbena wkoll billi nneħħu ostakli prattiċi li jistgħu jillimitaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ tali persuna. Kelb ta’ assistenza jista’ jagħmel differenza kbira fil-kunfidenza, fis-sigurtà u fil-libertà tal-persuna li jakkumpanja. Inklużjoni li rridu nkomplu naħdmu għaliha: appoġġ konkret li jagħti lill-persuni konċernati aktar għażla u kontroll fuq ħajjithom.
