Anzjanità b’dinjità: Il-ħidma tkompli

- Jikteb Dr Deo Debattista, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva

Aqra wkoll

Meta nitkellem mal-persuni anzjani, nisma’ xewqat li huma sempliċi iżda importanti ħafna: pensjoni adegwata, kura tas-saħħa aċċessibbli, indipendenza u, fuq kollox, is-serħan il-moħħ li jistgħu jgħixu b’dinjità. Dawn mhumiex privileġġi, iżda aspettattivi ġusti ta’ ġenerazzjoni li tat ħafna lil pajjiżna.

Hekk kif ninsabu lejliet il-Budget, nemmen li għandna nħarsu lil hinn miċ-ċifri. Għandna nistaqsu kif il-miżuri li qed jiġu implimentati qegħdin verament jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tal-anzjani tagħna.

Is-sigurtà finanzjarja tibqa’ pedament essenzjali ta’ anzjanità dinjituża. Tul is-snin, rajna bidliet importanti fil-politika tal-pensjonijiet, fosthom żidiet u aġġustamenti maħsuba biex isaħħu d-dħul tal-pensjonanti. Fl-2026, madwar 100,000 pensjonant ibbenefikaw minn żieda ta’ mill-inqas €10 fil-ġimgħa, li tinkludi u taqbeż il-kumpens għall-għoli tal-ħajja. Saru wkoll aġġustamenti favur ir-romol, il-pensjonanti tas-servizz u kategoriji oħra.

Dawn il-miżuri għandhom importanza konkreta, għaliex wara kull pensjoni hemm persuna li trid tlaħħaq mal-ispejjeż ta’ kuljum, tixtri l-bżonnijiet tagħha u tgħix mingħajr tħassib finanzjarju żejjed. Madankollu, nafu li għad hemm sfidi u li l-ħtiġijiet tal-anzjani mhumiex kollha l-istess. Għalhekk, il-ħarsien tad-dħul għandu jibqa’ prijorità.

Iżda anzjanità b’dinjità tfisser ħafna aktar minn pensjoni. Tfisser li persuna tkun tista’ tibqa’ tgħix fid-dar tagħha, toħroġ, tiltaqa’ ma’ oħrajn u tibqa’ indipendenti għal kemm ikun possibbli.

Eżempju ċar huwa s-servizz tas-Silver T, li matul l-2025 wettaq aktar minn 57,000 vjaġġ. Fl-2026 komplejna nespandu dan is-servizz, billi estendejna l-ħinijiet tiegħu matul il-ġimgħa u introduċejna wkoll servizz is-Sibt filgħodu. Għal ħafna anzjani, dan ifisser li jistgħu jmorru sal-bank, il-knisja, iċ-ċentru tas-saħħa jew jagħmlu l-qadi tagħhom mingħajr ma jkollhom jiddependu kontinwament fuq ħaddieħor.

Fl-istess waqt, permezz tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, qed jiġu offruti diversi servizzi bħall-Home Help, Meals on Wheels, Telecare, Handyman Service, Carer at Home Scheme u servizzi ta’ kura fid-dar. Dawn l-inizjattivi għandhom għan komuni: Li l-anzjani jingħataw l-appoġġ meħtieġ fil-komunità tagħhom, filwaqt li jitnaqqas ukoll il-piż fuq il-familjari li jieħdu ħsiebhom.

Ma nistgħux ninsew lanqas l-importanza tas-saħħa mentali u l-ħajja soċjali. Is-solitudni tista’ taffettwa serjament il-benesseri tal-persuni anzjani. Għalhekk, iċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva għandhom rwol importanti biex joħolqu opportunitajiet ta’ soċjalizzazzjoni, tagħlim u attivitajiet fiżiċi. L-Università tat-Tielet Età u inizjattivi innovattivi, fosthom l-introduzzjoni ta’ esperjenzi ta’ realtà virtwali, ikomplu juru li t-tagħlim u l-parteċipazzjoni m’għandhomx età.

Il-kura tas-saħħa u l-kwalità tas-servizzi residenzjali jibqgħu prijoritajiet ewlenin.

F’San Vinċenz de Paul, id-Day Clinic ipprovdiet madwar 29,000 appuntament matul l-2025, filwaqt li l-investiment fis-servizzi speċjalizzati kompla jissaħħaħ. Fost dawn insibu s-sala psikoġerjatrika b’kapaċità ta’ 24 resident, maħsuba biex toffri kura li tindirizza kemm il-ħtiġijiet fiżiċi kif ukoll dawk mentali.

Qed tingħata wkoll importanza lill-kura tad-dimensja, permezz ta’ servizzi speċjalizzati u appoġġ lill-familji. Għaliex meta nitkellmu dwar il-kura tal-anzjani, irridu niftakru wkoll f’dawk li ta’ kuljum jagħmlu sagrifiċċji biex jieħdu ħsieb lill-għeżież tagħhom.

Il-ħidma tagħna hija marbuta wkoll mal-impenji tal-manifest elettorali Malta Flimkien, li jinkludu t-tisħiħ tal-pensjonijiet, is-servizzi fil-komunità u l-kwalità tal-kura. Dak li twettaq għandu jservi bħala bażi għal aktar titjib, filwaqt li nkomplu nindirizzaw il-ħtiġijiet li qed jinbidlu.

Hekk kif inħarsu lejn il-Budget 2027, il-prijoritajiet tagħna jibqgħu ċari: aktar sigurtà finanzjarja, servizzi aċċessibbli, appoġġ lill-familji, kura residenzjali ta’ kwalità u opportunitajiet biex l-anzjani jibqgħu attivi fis-soċjetà.

Din id-direzzjoni hija marbuta wkoll ma’ Malta Vision 2050, li tpoġġi l-kwalità tal-ħajja, il-prevenzjoni u s-snin ta’ ħajja b’saħħitha fil-qalba tal-iżvilupp ta’ pajjiżna. L-għan tagħna mhuwiex biss li l-persuni jgħixu aktar, iżda li jgħixu aħjar, b’aktar indipendenza, sigurtà u benesseri.

Bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, nemmen li l-kejl veru tal-ħidma tagħna mhuwiex biss kemm ninvestu jew kemm nintroduċu servizzi ġodda, iżda kemm dawn jaslu għand il-persuni li jeħtiġuhom u kemm itejbu ħajjithom.

Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ħadmu, rabbew familji u taw kontribut imprezzabbli lil Malta. Illum għandna r-responsabbiltà li niżgurawlhom il-kwalità tal-ħajja li jistħoqqilhom. Għaliex l-anzjanità b’dinjità mhijiex biss wegħda, iżda impenn kontinwu biex mhux biss inżidu s-snin mal-ħajja, iżda nżidu l-ħajja mas-snin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport