IN-NASSA TAL-BIŻA’ … TAMA LI L-POPLU JIRRIFJUTAW IL-MIBEGĦDA TAL-LEMIN ESTREM

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem u anki fl-aħħar sigħat rajna protesti kbar f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Protesti li ġabu pajjiżi kważi għarkobbtejhom, meta l-istess protesti saru vjolenti u ħolqu inċertezza u biża’. Protesti li qegħdin isiru minħabba diversi raġunijiet. Hu ċar li mil-lat soċjali, ħafna pajjiżi marru lura. Il-kwalità tal-ħajja marret ukoll lura. U waqt li l-popli ta’ dawn il-pajjiżi qegħdin jaraw u jesperjenzaw dan, fl-istess waqt jaraw kif l-Unjoni Ewropea u l-istess pajjiżi tagħhom qegħdin jonfqu u jippompjaw flejjes kbar biex  itawlu l-kunflitt fl-Ukrajna. Kunflitt li aktar ma qiegħed itul aktar qiegħed joħloq konsegwenzi negattivi fuq il-pajjiżi Ewropej b’mod partikolari fejn tidħol l-enerġija. 

Dawn il-protesti, li fihom il-popli esprimew ir-rabja tagħhom, ġew sfruttati mil-lemin estrem. Użaw l-istess protesti biex jimbottaw l-aġenda tagħhom kontra l-immigrazzjoni. Użaw kull argument biex iżidu l-biża’, joħolqu l-perċezzjonijiet u jżidu l-mibegħda lejn l-immigranti. Bħal ma spiss jiġri, it-tort ta’ dak li kien qed jiġri intefa’ fuq l-immigranti u l-immigrazzjoni. 

Ovvjament m’aħniex sorpriżi b’dan. Hu l-mod ta’ kif jaħdem il-lemin estrem.  Kellna mexxejja tal-lemin estrem  qed jippreżentaw l-inkwiet bħala konsegwenza tal-falliment tal-governanza liberali u tal-politika tal-fruntieri miftuħa. Din hi n-nassa li jridu jdaħħlu fiha lil dawn il-popli. 

Il-mexxejja tal-lemin estrem fl-Ewropa ħatfu l-opportunità li offritilhom il-vjolenza li heżżet diversi bliet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Huma qed jippreżentaw din il-vjolenza bħala konsegwenza inevitabbli tal-falliment tal-governanza liberali u tal-politika li żżomm il-fruntieri miftuħin, filwaqt li jinsistu li huma biss jistgħu jerġgħu jġibu l-liġi u l-ordni.

Fi żmien fejn hemm elezzjonijiet importanti fi Spanja, Franza u l-Italja, il-lemin estrem qiegħed jipprova jisfrutta l-mewġa ta’ inkwiet fit-toroq għal għanijiet politiċi. Dan l-inkwiet beda minn protesti paċifiċi dwar l-għoli tal-ħajja u d-deterjorament tas-servizzi pubbliċi, iżda mbagħad ġie maħtuf minn persuni li wettqu atti vjolenti.

Il-biża’ u l-mibegħda hi dejjem l-arma tal-lemin estrem. Quddiem dawn il-protesti, li  urew l-falliment fil-qasam tal-politika soċjali ta’ gvernijiet Ewropej, liema gvernijiet jinsabu ukoll fi proċedura ta’ deficit eċċessiv, il-lemin estrem qiegħed jipprova jieħu vantaġġ. Juża l-istrateġija antika tiegħu. Dik li jingħata t-tort lill-immigranti: problemi kumplessi bħall-kriminalità, il-kirjiet għoljin u l-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi jiġu marbuta mal-immigrazzjoni. 

Dan meta hu ċar li llum l-evidenza u l-istudji li saru juru li mhemmx rabta anki meta l-evidenza ma tiġġustifikax dik ir-rabta.  U allara bħalissa qegħdin naraw messaġġi  kontinwi li jpinġu lill-barranin bħala periklu għall-identità u l-kultura tal-pajjiż. L-għan ta’ din il-biża’ hi li tinħoloq ansjetà fost in-nies, bit-tama li dik il-biża’ ssaħħaħ l-appoġġ għal politiki aktar restrittivi dwar l-immigrazzjoni. 

Dak li qegħdin jagħmlu tal-lemin estrem hu li għal darba oħra tinqasam is-soċjetà: jinħoloq kuntrast bejn “aħna” u “huma”. Dan minflok ma jiġu diskussi l-problemi u s-soluzzjonijiet tagħhom b’mod konkret. Hu fatt li ma ssolvi xejn billi titfa’ t-tort fuq l-immigranti.  Jekk hemm il-problema hija n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni, wieħed irid iħares lejn il-politika tad-djar; jekk hija l-kriminalità, irrid iħares lejn l-evidenza u min iwettaq ir-reati. Li jintefa t-tort ġenerali fuq l-immigranti ma jsolvix dawn il-problemi.

Wieħed jittama li l-popli Ewropej b’mod partikolari dawk fil-pajjiżi fejn se jsiru l-elezzjonijiet, jirrifjutaw il-lemin estrem.  Dan hu dak li jippromwovi il-mibegħda, id-diskriminazzjoni u t-tnaqqis tad-drittijiet demokratiċi.

Illum qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn kulħadd għandu drittijiet ugwali. Il-lemin estrem jista’ jxerred ideat razzisti, ksenofobiċi u diskriminatorji kontra immigranti, minoranzi u gruppi vulnerabbli. Soċjetà ġusta għandha tirrispetta d-dinjità ta’ kull bniedem, irrispettivament mill-oriġini jew mir-reliġjon tiegħu.

Il-popli ta’ dawn il-pajjiżi iridu jżommu f’moħħu li l-lemin estrem jhedded id-demokrazija. Jattakka il-libertà tal-istampa, l-indipendenza tal-ġudikatura u d-dritt tal-poplu li jikkritika lill-gvern.  Lemin estrem li jwaħħal fil-baranin u minoranzi għall-problemi ekonomiċi u soċjali flok ifittxu soluzzjonijiet reali għall-qgħad, il-faqar u l-għoli tal-ħajja.

Fuq kollox iridu jiftakru dawn il-popli fejn kien wassalna l-estremiżmu tal-lemin. Reġimi faxxisti u Nażisti wasslu għal persekuzzjoni, gwerer u qtil tal-massa. 

Is-soċjetà għandha bżonn l-għaqda u s-solidarjetà. Il-problemi ta’ pajjiż għandhom jiġu indirizzati permezz tad-djalogu. Bil-ġustizzja soċjali. Bid-diversità. Bis-solidarjeta. Nemmnu fermament li l-popli għandhom jitfgħu il-lemin estrem lbarra. L-estremiżmu tal-lemin estrem tiġġilidlu biss bl-edukazzjoni, bil-ħsieb kritiku, bl-għaqda u bis-solidarjetà u rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport