Tuesday, December 24, 2024

Baġit li juri li dan hu gvern tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt

Aqra wkoll

Fil-Baġit għas-sena 2022, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza ġie allokat €48 miljun, b’żieda ta’ 45% fuq is-sena li għaddiet, biex jiġu investiti fi proġetti ġodda fil-qasam tal-ġustizzja.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis stqarr li, “Permezz ta’ dan il-baġit, se nkomplu nagħtu prijorità lill-buon governanza u s-saltna tad-dritt. Se nkomplu nwettqu dan sabiex inkomplu nsaħħu lill-istituzzjonijiet tagħna u r-reputazzjoni tagħna barra minn xtutna. Din hija turija ċara li dan il-gvern verament jemmen fil-ġustizzja, il-buon governanza u s-saltna tad-dritt”.

L-effiċjenza fil-proċedura ġudizzjarja tibqa’ prijorità. F’ħidma flimkien mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, se jkompli jiġi offrut l-aħjar appoġġ lill-membri tal-ġudikatura. Huwa għalhekk li din l-aġenzija ġiet allokata 20% aktar mis-sena l-oħra sabiex issaħħaħ l-operat tagħha. Fis-sena 2022, se tinbena awla ġdida fil-bini preżenti tal-Qorti ta’ Malta li permezz tagħha huwa stmat li kull sena jkun hemm żieda ta’ 5,180 seduta, li tfisser żieda ta’ kważi 4% fl-ammont ta’ seduti fis-sena.

Saret żieda sostanzjali ta’ kważi 80% fl-allokazzjoni tal-operat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, dan sabiex jiġi assigurat li dan l-uffiċċju huwa mgħammar b’riżorsi adattati u jindirizza l-ammont ta’ xogħol li se jieħu fuqu dan l-uffiċċju.

L-investiment fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u tal-Avukat Ġenerali fis-sena 2022 se jkompli. Ġew allokati €2 miljun sabiex jitwettqu proġetti ġodda. Ġew allokati wkoll €2.25 miljun, żieda ta’ 32% mis-sena 2021, sabiex dan l-uffiċċju jkompli jinvesti fl-operat u r-riżorsi umani tiegħu.

Wara li daħal fis-seħħ l-Att dwar ir-Rikavat mill-Kriminalità (Proceeds of Crime Act), l-investiment fl-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi se jkompli jiżdied, u se tiġi provduta teknoloġija ġdida sabiex dan l-uffiċċju jkompli jinvesti fi proġetti ġodda għall-iskambju, il-ġestjoni u l-irkupru ta’ informazzjoni. Ġew allokati ħames mitt elf ewro, żieda ta 150% fuq is-sena 2021.

F’dan il-Baġit, ġiet imħabbra żieda ta’ 16% fuq is-sena li għaddiet fl-allokazzjoni għall-proġetti tat-teknoloġija u l-informatika. L-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-entitajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru komplew jitwettqu b’ritmu mgħaġġel fl-2021. Permezz ta’ din l-allokazzjoni, se jkompli jiġi aċċertat li l-entitajiet jibqgħu jiġu mgħammra bl-aħħar teknoloġija u l-impjegati jibqgħu jiġu mħarrġa.

Is-settur tal-ġustizzja se jibbenefika wkoll minn fondi li se jingħataw lil Malta skond il-Pjan ta’ Reżiljenza u Rkupru li l-gvern ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea sabiex ikollna Malta aktar diġitali. L-istess pjan ġie mfaħħar mill-Kummissjoni Ewropea bħala wieħed mill-aqwa mis-27 stati membri tal-Unjoni Ewropea. Il-benefiċċju li se jibbenefika minnu dan is-settur is-sena d-dieħla huwa ta’ miljun ewro.

Dan il-gvern se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ sabiex ikompli jagħmel ir-riformi meħtieġa, ma waqafx mar-riforma tal-Kummissjoni Venezja, fejn tbiddel il-proċess li bih jiġu appuntati l-membri fuq l-istess bord. Fil-Baġit 2022, ġew allokati aktar fondi lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Koruzzjoni.

Tkompla wkoll l-investiment fl-Aġenzija għall-Għajnuna Legali sabiex ikomplu jiġu msaħħa r-riżorsi tagħha. L-allokazzjoni f’dan l-operat żdiedet għal €630 elf – żieda ta 7% fuq is-sena li għaddiet.

Il-Ministru Zammit Lewis għalaq id-diskors tiegħu billi fakkar illi kien dan il-gvern li rnexxielu jagħmel riformi u investiment bla preċedent. Dan ix-xogħol u l-investiment kollu qiegħed jiġi rikonoxxut fuq livell internazzjonali u Ewropew – inkluż mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea Ursula Von der Leyen, fl-indirizz tagħha fl-Istate of the Union, fejn irrikonoxxiet ir-riformi li wettaqna.

“Għal dan l-għan u għall-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, dan il-gvern se jkompli jaħdem bla waqfien biex ikompli jkollna sistema ta’ ġustizzja effettiva u effiċjenti li verament ma tħares lejn wiċċ ħadd. Ir-riformi u l-governanza t-tajba saru sinonimi mal-amministrazzjoni Robert Abela. Dan huwa l-gvern li qed jaħdem u jinvesti f’Malta aħjar għal uliedna,” qal il-Ministru Zammit Lewis.

Ekonomija

Sport