Saturday, December 21, 2024

Baġit ta’ €4 miljun allokat biex jgħin lill-bdiewa u lir-raħħala bħala parti mill-pjan għar- riġenerazzjoni tal-ekonomija tagħna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Schembri u l-Ministru Refalo jniedu €1.5 miljun f’assistenza finanzjarja biex tappoġġja lill-bdiewa

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri, flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbru baġit ta’ €4 miljun iddedikat lill-bdiewa u lir-raħħala li se jipprovdulhom assistenza biex jingħelbu l-isfidi tad-domanda maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 fi ħdan is-settur.

Aktar minn 4,800 bidwi tal-għelejjel se jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja ta’ €1.5 miljun.

Dawn se jirċievu ittra ta’ applikazzjoni li għandha tintbagħat lill-uffiċċju tal-Aġenzija għall- Pagamenti Agrikoli u Rurali li jinsab ġewwa l-Għammieri u li trid tiġi sottomessa sal-31 ta’ Ottubru.

“Fid-dawl ta’ analiżi ekonomika mwettqa, huwa xieraq li nallokaw €4 miljun fondi nazzjonali tagħna għal dan is-settur bħala parti mill-pjan tar-riġenerazzjoni ekonomika tagħna”, qal il-Ministru Schembri

Għadd ta’ ċirkostanzi avversi kkontribwew għal dan l-impatt, primarjament in-nuqqas tal-konsum mis-setturi tat-turiżmu u tar-ristoranti. Dawn huma setturi li jiġġeneraw domanda għolja għal prodotti friski. Dan it-tnaqqis affettwa serjament lill-bdiewa żgħar, b’mod partikolari dawk li huma dipendenti ħafna fuqhom.

“Din l-assistenza finanzjarja hija turija ċara li bħala gvern fittixna naħsbu f’kulħadd, inklużi l- bdiewa. Se nkomplu nosservaw is-sitwazzjoni u nagħmlu d-deċiżjonijiet meħtieġa fl-aħjar interess tal-bdiewa, kif dejjem għamilna. Hawnhekk nappella lill-pubbliku ġenerali biex jagħżel prodotti lokali, issa aktar minn qatt qabel. Meta nagħżlu prodott mill-bdiewa Maltin u Għawdxin, flimkien nagħrfu l-bżulija tal-bdiewa tagħna li komplew jaħdmu matul dawn iż-żminijiet ta’ sfida”, qal il- Ministru Schembri.

Il-Ministru Anton Refalo enfasizza li, “din l-għajnuna ser tkun qed tingħata lil dawk il-bdiewa kollha li fl-2019 kienu applikaw mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali u kienu eliġibbli tħallsu l-għajnuniet diretti fuq ir-raba’ (i.e. entitlement) minn fondi Ewropej. Tali benefiċjarji ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ ħlas ta’ €200 għal kull ettaru ta’ art eliġibbli (€22.50 għal kull tomna)”. Il-pagament għal din l-iskema se jinħadem fuq l-applikazzjoni għall-pagament bażiku tas-sena 2019. Il-pagament jinħadem fuq l-inqas kejl bejn dak li ġie dikjarat, l-ammont ta’ intitolamenti li għandu l-bidwi, u l-kejl ta’ raba’ li nstab maħdum u eliġibbli fl-2019 wara li saru l- kontrolli.

Ekonomija

Sport