Friday, December 27, 2024

Baħħara Maltin Jispikkawfil-Yachting Malta BSC International Regatta

Aqra wkoll

Il-Yachting Malta BSC International Regatta waslet fi tmiemha l-Ħadd wara nofsinhar, meta saru l-aħħar tiġrijiet tar-regatta mifruxa fuq erbat ijiem.

Ospitata minn Birzebbugia Sailing Club, miżmuma taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation u appoġġata minn Yachting Malta, ir-Regatta, li issa tinsab fir-raba’ sena tagħha, lagħqet madwar 100 baħri minn disa’ nazzjonijiet, fosthom is-Slovenja, l-Olanda, il-Bulgarija, il-Ġappun, il-Ġermanja, it-Taġikistan, il-Litwanja,  it-Turkija, u Malta.

Filwaqt li l-kundizzjonijiet tat-temp ippermettew kemm lill-flotot tal-ILCA kif ukoll tal-Optimist jtellqu kuljum, il-kundizzjonijiet varji ppreżentaw sfida għall-uffiċjali tat-tellieqa, Miguel Amaral (Klassi Optimist) u Bojan Gale (Klassi ILCA), li addattaw għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu ta’spiss.

B’kollox, il-Klassi ILCA lestew 12-il tiġrija, filwaqt li l-flotot Optimist Senior, Cadet, u Beginners temmew 11 u 10 tiġrija rispettivament. Il-baħrin Maltin urew konsistenza matul ir-regatta kollha, u ddominaw il-leaderboards f’ħamsa minn sitt klassijiet, bil-leaders tal-klassi jsostnu d-dominanza tagħhom mill-bidu.

ILCA 4

Timmy Vassallo (MYSC) kompla bil-mixja tiegħu mingħajr telfa sal-aħħar. Hu rebaħ il-Klassi b’vantaġġ sinifikanti fuq Laidon Buhagiar (BSC) u Harry Fairbairn (MYSC). Buhagiar, minkejja kellu bidu mhux daqshekk tajjeb, tela’ b’mod kostanti fil-leaderboard tul ir-regatta biex spiċċa fit-tieni post.

ILCA 6

F’ILCA 6, Benjamin Vassallo (MYSC) żamm l-ewwel post tiegħu, u kabbar il-vantaġġ fuq Matthew Debono (MYSC). Lacey Aquilina (BSC) kella jikkuntenta bit-tielet post wara battalja stretta għat-tieni post matul ir-regatta kollha.

ILCA 7

Il-Klassi rat il-ġirja bla telfa ta’ Shaun Aquilina (BSC) interrotta l-Ħadd filgħodu minn Julian Elwood (BSC), iżda Aquilina irkupra biex kiseb ir-rebħa, b’distakk komdu fuq Crispin Peresso (BSC) u Elwood.

Optimist Beginner

Il-podju ta’ din il-klazzi kien mgħamul minn baħħara tal-BSC, b’Jeremy Decelis jirbaħ 9 mill-10 tiġrijiet u jżomm vantaġġ tajjeb quddiem Ella Grech, li dehret b’mod konsistenti fit-tieni post. It-tielet post fuq il-podju ttieħed minn Juanita Darmanin.

Optimist Cadet

Il-klassi Optimist Cadet rat baħħara internazzjonali jiddominaw. Villiam Osipovs, mit-Tajikistan,  imexxi l-flotta mill-bidu, segwit minn Emir Tombuloglu u Inic Gulsoy  – it-tnejn mill-klabb Tork tal-Galatassaray.

Optimist Senior

Din il-flotta pprovdiet kompetizzjoni intensa, b’Andrei Zhakov (BSC) iżomm il-vantaġġ tiegħu tul il-firxa tar-regatta. Jonas Micallef (RMYC) u Matthias Spiteri (MYSC) kellhom taqtiha għat-tieni u t-tielet post, u żiedu l-eċċitament mal-akbar flotta fir-regatta. Micallef spiċċa fit-tieni post, Spiteri fit-tielet.

Mario Aquilina, Commodore tal-Birżebbugia Sailing Club, esprima s-soddisfazzjon li jospita r-regatta internazzjonali, filwaqt li enfasizza s-sinifikat tagħha fit-trawwim ta’ ħbiberiji fost il-baħrin.

Il-premijiet ingħataw lir-rebbieħa fil-Clubhouse fil-preżenza ta’ Michael Mifsud, CEO ta’ Yachting Malta, u Matthew Pisani, Viċi Chairman ta’ SportMalta.

Legat tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023

Aktar kmieni il-Ħadd filgħodu żvolġiet mument sinifikanti għall-ibburdjar f’Malta hekk kif erba’ bagi bil-GPS u erba’ RHIBs ġew ippreżentati lil Birzebbugia Sailing Club, Malta Young Sailors Club, Royal Malta Yacht Club, u Vikings Sailing Club.

Din l-allokazzjoni kienet riżultat ta’ investimenti li saru minn SportMalta permezz ta’ Fondi NDSF għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa f’Ġunju 2023. Din l-għotja tifforma parti mill-legat li tħalla minn dawn il-Logħob.

Ippresieda l-preżentazzjoni kien l-Onorevoli Dr Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka, u Innovazzjoni, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu, filwaqt li enfasizza kif dan l-apparat mhux biss jissimplifika l-isforzi tal-voluntiera iżda jikkontribwixxi wkoll biex l-isport jiżdied fis-sostenibbiltà ambjentali.

Is-Sur Matthew Pisani, Viċi Chairman ta’ SportMalta, tenna d-dedikazzjoni ta’ SportMalta  biex tappoġġja organizzazzjonijiet sportivi, filwaqt li Michael Mifsud, President tal-Malta Sailing Federation, enfasizza l-impatt li dawn il-bagi ser jħallu fuq l-ibburdjar f’Malta. Huwa kompla billi rringrazzja lil Strand Marine Ltd għall-appoġġ tagħhom lejn l-akkwist ta’ Suzuki outboards installati fuq ir-RHIBS.

Ekonomija

Sport